Edukazzjoni Għawdex Lokali

“Azzjonijiet industrijali jekk ma jitwaqqafx ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fil-ħin tal-iskola” – MUT

L-MUT qed tappella lilll-Gvern biex iwaqqaf ix-xogħol ta’ kostruzzjoni li qed isir matul il-ħinijiet tal-iskola ħdejn il-Middle School fir-Rabat Għawdex.

Din l-iskola fil-fatt spiċċat fin-nofs bejn żewġ proġetti ta’ kostruzzjoni enormi li qed iwasslu għal nuqqasijiet serji għas-saħħa u s-sigurtà u għal storbju kbir kawża tal-proġett tal-kumpless sportiv.

Fi stqarrija l-MUT qalet li makkinarju tqil huwa stazzjonat litteralment pulzieri bogħod mill-istudenti u l-edukaturi fil-klassijiet u l-ebda konversazzjonijiet ma jistgħu jsiru fil-kurituri, aħseb u ara lezzjonijiet fil-klassijiet. L-istudenti u l-edukaturi m’għandhomx jitpoġġew f’riskju u għandu jsir dak kollu possibbli biex jipproteġu lil kulħadd fl-iskola.

Fid-dawl ta’ dan, l-MUT tavża lill-Gvern dwar azzjoni industrijali li se ssir nhar it-Tnejn bil-membri f’din l-iskola biex jirrapportaw għax-xogħol fis-Senior School li hemm viċin. Dan sakemm ma jitwaqqfux xogħlijiet ta’ kostruzzjoni matul il-ħinijiet tal-iskola u jittieħdu l-miżuri meħtieġa dwar is-saħħa tal-edukaturi u l-istudenti.

Ikkummenta