Coronavirus Lokali Saħħa

Christmas In The City; il-kontroversja ma’ taqta’ xejn

Kontroversja ma taqta’ xejn, ġranet li kienu ddominati minn diskussjoni imqanqla dwar Christmas in the City; projezzjonijiet tad-dwal, mużika, korijiet, arti performattiva – attività li ħareġ biha l-Gvern, u li hi intiża biex tiġbed in-nies lejn il-Belt Valletta fi żmien il-Milied.

Dwar dan tkellem il-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel Paul Pace li sejjaħ din l-attività bħala xokkanti u waħda li qanqlet rabja kbira. Iżda mhux biss, waqt il-programm NET Live, Paul Pace saħaq li l-Gvern mhux jirrealizza kif inhi s-sitwazzjoni fl-isptarijiet. U sejjaħ dan bħala nuqqas ta’ rispett.

Il-President tal-MUMN spjega kif pajjiżi oħrajn għamlu lockdown u carefews mhux attivitajiet tal-Milied. Fakkar li hawn 85 anzjan fi Djar tal-Anzjani bil-COVID-19 u qal li kieku nofs dawn l-anzjani jiġu bżonn Mater Dei m’hemmx sodod għalihom. Paul Pace saħaq li din l-attività hija att irresponsabbli tal-Gvern għaliex m’għandniex kontroll ta’ kemm se jidħlu nies il-Belt fejn ma jistax ikollok Social Distancing. Hu saħaq li dan il-Milied għandu jkun wieħed ta’ sagrifiċċju.

Dwar Christmas in the City tkellem ukoll il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija Martin Balzan li jinsab inkwetat bil-ħsieb tal-Gvern li f’moħħu għandu li jmorru l-folol fil-Belt. Hu saħaq li dan huwa “ġenn” u staqsa kif jiġuhom f’moħħhom dawn l-affarijiet.

Martin Balzan qal li l-flus ma jistgħux ikunu iktar importanti mill-ħajja fejn sejjaħ il-pjan li titkabar l-ekonomija bħala farsa li iktar se tfarrak l-ekonomija. Hu saħaq li jekk in-numri jibqghu tilghin se nigu f’punt li jmorru nies Mater Dei għal raġunijiet serji u jkollhom jintbgħatu d-dar għaliex dalwaqt ma jkunx fadal spazju.

Min-naħa l-oħra, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs Abigail Mamo tkellmet dwar l-importanza li jinżamm il-bilanċ u fakkret li l-ħwienet qed jagħmlu minn kollox biex josservaw ir-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa. Abigail Mamo saħqet li l-protokolli tas-saħħa huma ċari immens, u għandhom jiġu osservati. Hi qalet li l-inċentiv tal-parkeġġ b’xejn hu tajjeb ħafna biex in-nies jidħlu l-Belt bil-karozza tagħhom u mhux jitħaltu ma’ oħrajn fuq trasport pubbliku. Hi spjegat kif il-ħwienet tal-Belt intlaqtu b’mod ħażin ħafna tul il-pandemija.

Il-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber of SMEs stqarret li rridu nieħdu l-pandemija b’serjetà kbira pero fakkret li ma nistghux ninsew il-fatt li negozji qed jaghlqu u jkeccu impjegati. Abigail Mamo appellat għar-reposabbiltà u rispett reċiproku f’dan iż-żmien diffiċli għal kulħadd.