Coronavirus Ewropa Internazzjonali

Covid-19: Aktar restrizzjonijiet fl-Italja

Il-Gvern Taljan saħħaħ il-miżuri restrittivi kontra l-Coronavirus fit-Toskana u f’erba’ reġjuni oħra fl-isforzi tiegħu li jiġġeled it-tieni mewġa tal-pandemija.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern impona restrizzjonijiet madwar il-pajjiż, u qasam il-pajjiż fi tliet żoni skont il-qawwa tal-imxija fiż-żona partikolari.

Ir-reġjun ta’ Toskana li għandu fi ħdanu bliet bħal Firenze u Siena, kif ukoll il-Ligurja, l-Abruzzo, l-Umbrija u l-Basilikata, itellgħu minn żoni sofor għal żoni oranġjo, li jfisser il-bars u r-ristoranti se jkollhom jagħlqu iżda ħwienet oħra jistgħu jibqgħu miftuħa. In-nies jistgħu joħorġu fil-bliet u l-irħula tagħhom iżda ma jistgħux jivvjaġġaw lejn postijiet oħra.

Milan u parti l-kbira mit-Tramuntana tal-pajjiż jinsabu fiż-żona l-ħamra taħt lockdown parzjali. Ma’ dawn, se tiżdied il-provinċja ta’ Bolzano.

Ilbieraħ fl-Italja mietu 623 persuna b’kawża tal-Covid-19 u nstabu kważi 33 elf każ ġdid.