Internazzjonali

Covid-19: Spinta oħra ta’ infezzjonijiet fl-Istati Uniti u r-Russja…iżda r-riċerka medika tirriserva aktar tamiet pożittivi

L-infezzjonijiet bil-Covid-19 jidhru li qabdu spinta ġdida partikulari fl-Istati Uniti u r-Russja, meta dawn il-pajjiżi – l-istess bħall-Istati tal-Ewropa – qed jieħdu l-miżuri kollha għall-protezzjoni tal-popli rispettivi, bil-għan li ċ-ċifra tal-imwiet tonqos u tistabbilizza.

Madankollu – u minkejja l-iżviluppi promettenti fir-riċerka għal vaċċin kontra l-Covid-19 —  l-infezzjonijiet qed ikomplu jiżdiedu, bir-rapporti mir-Russja jsostnu li l-pandemija qed tolqot l-aktar lill-provinċji l-aktar foqra.

Issemmew każi fil-pajjiż fejn il-pazjenti morda bil-Covid-19 qed ikunu kostretti li jorqdu fuq il-banek u l-kurituri fl-isptarijiet, bl-ambulanzi ma jistgħux ilaħħqu man-numru tal-pazjenti.

Għalkemm il-ħaddiema tas-Saħħa fir-Russja s-soltu huma kawti milli jesprimu kritika dwar is-sitwazzjoni, iċ-ċirkustanzi tant saru kritiċi li huma, issa, mhumiex qed iżommu lura milli jgħiduha eżatt kif iħossu rigward il-kriżi tas-saħħa f’pajjiżhom.

Fl-istess ħin, l-Istati Uniti qed tirrapporta aktar minn 100,000 każ kuljum tal-coronavirus, bl-esperti qed jgħidu li din il-fażi tal-pandemija hi agħar mill-fażijiet ta’ matul ir-rebbiegħa u s-sajf fil-pajjiż. Dan meta l-belt ta’ New York introduċiet ir-restrizzjonijiet ġodda bil-għan li trażżan l-impatt qattiel tal-virus, bis-Sindku Bill de Blasio isostni li dan hu l-aħħar ċans biex l-awtoritajiet lokali jikkontrollaw dik li kapaċi tkun tieni mewġa tal-Covid-19.

Ir-rapporti mill-Istati Uniti kkonfermaw l-ispinta ġdida ta’ infezzjonijiet u fejn f’ġurnata waħda iddaħħlu ‘il fuq minn 65,300 pazjent l-isptar li huwa rekord. Qed jingħad ukoll li, fl-Istati Uniti,. bħala medja, qed imutu ‘il fuq minn 900 kuljum bil-marda u meta fil-pajjiż hemm ‘il fuq minn 10 miljun każ ikkonfermat tal-Covid-19.

L-Indja wkoll qed tissielet kemm tiflaħ biex trażżan l-ispinta ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 fost xitwa qalila u meta t-tniġġiż tal-ajru fil-pajjiż tela għal livelli perikolużi.

Il-belt kapitali ta’ Delhi rreġistrat aktar minn 8,500 każ ta’ infezzjoni għal ġurnata waħda u meta bħalissa għandha ‘il fuq minn 7,000 pazjent bil-Covid-19. F’dan il-pajjiż mietu ‘il fuq minn 7,000 bil-coronavirus u meta ż-żieda fil-każi qed tirriżulta f’piż enormi għall-isptarijiet. Dan meta fl-isptarijiet huma diġà okkupati ‘il fuq min-nofs is-sodod għad-dispożizzjoni tal-pazjenti.

Sadanittant, feġġ xaqq ta’ dawl ieħor f’din il-kriżi, bil-kumpannija tal-farmaċewtuja Moderna tiżvela li kkonkludiet il-proċess għall-ġbir tad-data għall-ewwel analiżi tal-vaċċin tagħha għal kontra l-Covid-19.

Stqarrija mill-kumpannija qalet li Moderna għandha tiddettalja l-effettività tal-vaċċin lejn l-aħħar tax-xahar, bl-aħbar qed iqawwi qalb in-nies wara li l-kumpanija Pfizer, fil-bidu tal-ġimgħa, ħabbret li l-vaċċin tagħha għal kontra l-coronavirus għandu livell ta’ effettività ta’ ‘il fuq minn 90 fil-mija.

Il-Moderna qed tmexxil-provi kliniċi b’aktar minn 30,000 parteċipant,fejn nofs ingħataw il-vaċċin u bin-nofs l-ieħor jingħataw forma ta’ placebo. Intant, fadal stennija sakemm il-vaċċin ta’ Moderna jkun kunsidrat għal awtorizzazzjoni mill-Food and Drug Administration tal-Istati Uniti.