Għawdex Lokali

“Għawdex ma jistax isir estensjoni ta’ Malta”

Il-Partit Nazzjonalista irid jibni politika fejn Għawdex ikun reġjun mhux biss aktar produttiv iżda wieħed li jista’ jmantni u jsostni lilu nnifsu aħjar.

Minkejja l-ħafna wegħdiet tal-Partit Laburista, fosthom dik li jkattar ix-xogħol għall-Għawdxin ġewwa Għawdex, il-gvern injora dan l-aspett kompletament tant li n-numru ta’ persuni Għawdxin li huma kostretti jaħdmu f’Malta aktar milli rdoppja f’dawn l-aħħar 7 snin.

Dan intqal mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata fil-gżira Għawdxija fost diversi laqgħat li qiegħed ikollu matul il-jum ma’ diversi entitajiet non-governattivi u organizazzjonijiet bħala parti minn serje ta’ laqgħat li nieda l-Partit Nazzjonalista immirati lejn djalogu biex jinstemgħu id-diffikultajiet li qed jolqtu lil Għawdex u lill-Għawdxin sabiex tassew il-bniedem jitpoġġa fiċ-ċentru tal-politika

Bernard Grech qal li f’Għawdex anki s-settur ambjentali intelaq għal kollox, u għalhekk wara investiment imħabbar mill-Gvern ta’ €1 miljun biss, għall-Labour is-settur ambjentali m’hux wieħed ta’ prijorita’. Il-Kap Nazzjonalista qali ukoll li wieħed ma jistax jibqa jinjora t-tibdiliet li qed iseħħu fit-tessut soċjali ta’ Għawdex u li qegħdin joħolqu diffikultajiet fil komunitajiet, fosthom kirjiet aktar baxxi meta kkomparat ma’ Malta. Dan minbarra sitwazzjoni fejn minkejja l-ħafna wegħdiet tal-Labour fid-diversi budgets permezz tal-wegħda ta’ diversi proġetti u żviluppi, kollha baqgħu fuq l-ixkaffa.

“Il-Partit Nazzjonalista irid jibni politika fejn Għawdex ikun reġjun mhux biss aktar produttiv iżda wieħed li jista’ jmantni u jsostni lilu nnifsu aħjar.” Bernard Grech qal ukoll li għall-Partit Nazzjonalista Għawdex hu importanti mhux għax hu l-misluta ta’ Malta, kif jarah il-Partit Laburista, iżda għaliex hi gżira li tista tassew tkun aħjar milli hi b’fost l-oħrajn investiment ikbar fl-ambjent biex ikun hu stess mutur ekonomiku għaliex Għawdex jixraqlu ħafna aħjar.

B’riferenza għall-konnettivita’ bejn iż-żewġ gzejjer, il-Partit Nazzjonalista jemmen li wieħed irid qabel kollox jisma’ dak li jridu l-Għawdxin u li għandhom isiru studji serji u professjonali għaliex Għawdex ma jistax issir estensjoni ta’ Malta li jtellef l-identita’ u l karatteristika tiegħu.