Internazzjonali

Hong Kong: Iċ-Ċina tikkundanna r-riżenji fost il-membri tal-Oppożizzjoni

Il-Gvern taċ-Ċina kkundana r-riżenja tal-maġġoranza tal-membri tal-Oppożizzjoni mill-Parlament ta’ Hong Kong — bit-Tmexxija komunista f’Beijing qed tqis dan il-pass bħala ‘sfida bil-miftuħ’ lill-awtorità tagħha.

Kważi d-deputati kollha li jemmnu fid-demokrazija warrbu mill-assemblea ta’ Hong Kong wara t-tkeċċija ta’ erba’ mill-kollegi tagħhom li kienu akkużati bħala ‘theddida għas-sigurtà nazzjonali’.

L-iżviluppi, issa, qed jindikaw li Hong Kong, ‘il quddiem, għandu jitlef għal kollox il-livell limitat tad-demokrazija li ilu jgawdi għal snin u li permezz tiegħu kien meqjus bħala ‘entità distinta’ mit-territorji l-oħrajn ikkontrollati miċ-Ċina.

Hong Kong – eks kolonja Britannika – sar parti miċ-Ċina fl-1997 u meta ċ-Ċiniżi kienu wiegħdu li t-territorju kellu jżomm ‘il-kunċett uniku ta’ libertà’ għal 50 sena. Intant, il-Gvern tar-Renju Unit illum qed jakkuża liċ-Ċina li mar lura mill-impenji tiegħu biex jipproteġi l-awtonomija ta’ Hong Kong.

Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominc Raab qal li t-tkeċċija tal-erba’ deputati eletti mil-leġislatura ta’ Hong ‘tikkostitwixxi abbuż ċar tad-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Britannika’ li torbot lill-partijiet legalment. Ir-Renju Unit anki qed jakkuża liċ-Ċina bl-impożizzjoni ta’ regoli ġodda ‘u b’li, mill-ġdid, kisret il-wiegħdiet fir-rigward ta’ din l-eks kolonja’.

L-Istati Uniti ukoll ikkundannat l-aħħar żviluppi f’Hong Kong bħala ‘impenn lejn l-impożizzjoni ta’ dittatorjat ta’ stat wieħed (komunista) fit-territorju.’ Dan waqt li l-Unjoni Ewropea insistiet biex iċ-Ċina ‘iddawwar lura d-deċiżjoni’.

Sadanittant, il-Gvern f’Hong Kong u l-awtoritajiet f’Beijing iddefendew l-iskwalifiki tad-deputati bħala ‘legali u xierqa’ fiċ-ċirkustanzi.