Lokali

In-negozji mħeġġa jippreparaw għal ‘No-Deal Brexit’

“B’50 jum biss għat-tmiem ta ‘dan il-perjodu ta’ transizzjoni, issa wasal iż-żmien li nieħdu l-azzjoni meħtieġa biex nissalvagwardjaw in-negozji tagħna” – qal dan il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb meta kien qed jitkellem dwar Brexit. Hu saħaq li n-negozji għandhom bżonn jiżguraw li jkollhom kollox f’postu, sabiex jaċċertaw kontinwazzjoni tan-negozju tagħhom ġej minn Jannar li ġej.

Il-President tal-Kamra kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li fiha tnediet kampanja ta’ informazzjoni biex tgħin lin-negozji jħejju ruħhom għal Brexit mingħajr ftehim. David Xuereb qal li d-diskussjonijiet bejn ir-Renju Unit u l-UE kienu mmirati lejn ftehim, madankollu għad baqa’ ħafna inċertezza. “Aħna ottimisti b’kawtela madankollu nafu li sa l-aħħar tas-sena jista’ jkun hemm ħruġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim. Inħeġġu lin-negozji biex jibqgħu aġġornati kontinwament”. Hu ħeġġeġ lin-negozji biex jipparteċipaw f’serje ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni li se jkunu organizzati fil-jiem li ġejjjin.

Il-President tal-Kamra ħeġġeġ ukoll lin-negozji biex jitkellmu mal-fornituri u l-kontropartijiet tagħhom fir-Renju Unit malajr kemm jista’ jkun, sabiex jiġi żgurat li jkunu f’pożizzjoni li jiffunzjonaw wara l-31 ta’ Diċembru.