Lokali Qorti

Ippremjati l-isforzi ta’ raġel biex jgħeleb il-problema ta’ droga u xorb

Il-Qorti tal-Maġistrati ppremjat raġel mill-Iklin li qed jagħmel sforzi kbar biex jgħeleb il-vizzju tad-droga u x-xorb li wassluh biex jikkommetti diversi reati.

Jonathan Attard ta’ 41 sena li ammetta li matul il-lejl ta’ bejn it-22 u t-23 ta’ Diċembru tal-2018, ipprova jisraq minn karozza f’Tal-Pietà. Ammetta li r-reat ma sarx minħabba ċirkostanzi aċċidentali u indipendenti mill-volontà tiegħu.

Ammetta wkoll li għamel ħsara fil-karozza li ma tiskorrix l-ammont ta’ €2,500, iżda huwa iżjed minn €250, u li kkommetta reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza ta’ 22 xahar priġunerija sospizi għal tliet snin, u peress li ammetta, l-imputat għadu jitqies bħala reċidiv.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Simone Grech ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati li bihom kien jinsab akkużat l-imputat. Hadet in konsiderazzjoni wkoll, tal-ammissjoni ferm bikrija tiegħu u l-fedina penali, li mhijiex xi waħda nadifa.

Madanakollu, qalet il-Qorti, hija tħoss li Attard għamel avvanz kbir biex jgħeleb il-vizzji li qed isofri minnhom, u tqis li l-progress straordinarju li għamel l-imputat, għandu jiġi kkunsidrat fid-deċiżjoni dwar il-piena.

Il-Qorti qalet li tqis li l-imputat għandhu jingħata opportunità tal-aħħar, u għalhekk ma tqisx li piena karċerarja tkun waħda idoneja fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ.

Qalet li fuq l-attentat ta’ serq, tikkundannah għal sena priġunerija,sospiżi għal sentejn. Fir-rigward tas-sentenza sospiża imposta permezz ta’ sentenza mogħtija fis-6 ta’ Frar 2018, din terġa’ tibda tgħodd mil-lum.

Il-Qorti poġġiet lill-ħati taħt Ordni ta’ Trattament għal żmien tliet snin, sabiex ikompli jingħata l-għajnuna kollha neċessarja sabiex jgħeleb il-vizzju tad-droga u tax-xorb, inkluż dik psikoloġika, jekk ikun meħtieġ.

Il-Qorti ordnat ukoll lil Jonathan Attard iħallas is-somma ta’ €750 għall-ispejjeż lill-vittma fi żmien sitt xhur. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Wayne Camilleri.