L-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) – l-osservatur tal-attività nukleari fuq livell globali – żvelat li l-Iran, illum, qabeż ‘bi tnax-il darba’ l-ammont tal-uranju raffinat li hu permess għal dan il-pajjiż skont il-ftehim nukleari storiku li l-Iranjani kienu laħqu, fl-2015, mal-potenzi tad-dinja.
Kelliema għall-IAEA sostnew li l-ħażna tal-uranju inkwistjoni, dan ix-xahar, qed ilaħħaq ma’ kważi 2,500 kilogramma. Dan waqt li l-kelliema għall-Gvern Iżlamiku f’Tehran komplew jinsistu li l-programm nukleari tal-Iran hu kollu kemm hu intiż għal proġetti domestiċi bi skop ‘paċifiku’.
Sadanittant, l-IAEA fissret bħala ‘mhix kredibbli’ l-ispjegazzjoni tal-Iran dwar il-preżenza ta’ materjal nukleari f’sit li ma kienx iddikjarat. Fl-aħħar rapport – li tqassam lill-Istati-membri tagħha – l-aġenzija ma identifikatx is-sit fejn instab il-materjal nukleari. Iżda waqt li ma ssemmietx ‘indikazzjoni’ li s-sit qed jintuża għall-ipproċessar tal-uranju, mhux eskluż li l-materjal seta’ kien ‘qed jinżamm f’dik iz-zona speċifika’.
L-Ambaxxatur Iranjan għall-IAEA, Gharib Abadi, issa, ħeġġeġ ‘biex in-naħat jevitaw id-diskors żejjed f’din is-sitwazzjoni’. Hu kompla li l-Iran qed ikompli bil-kuntatti mal-IAEA ‘bil-għan li jsibu riżoluzzjoni għall-kwistjoni’.
Sadanittant, l-IAEA qalet li l-Iran qed ikompli jirraffina l-uranju lejn ‘purezza’ ta’ 4.5 fil-mija. Dan meta l-ftehim tal-2015 kien jesiġi biex il-proċess ( fl-Iran) ma jaqbiżx il-massimu ta’ 3.67 fil-mija.
L-IAEA anki għadha tanalizza l-kampjuni li, f’Settembru, ittieħdu minn żewġ zoni fl-Iran. Iz-zoni huma suspettati li, fil-passat, servew bħala siti nukleari u, din is-sena, l-ispetturi tal-aġenzija kienu ngħataw aċċess lejn dawn l-inħawi.
//= $special ?>