Futbol Sport

Kwalifikazzjoni storika għall-Maċedonja, l-Iskozja tikkwalifika bil-penalties

(Ritratt: EPA)

Il-Maċedonja kisbet kwalifikazzjoni storika għall-Kampjonati Ewropej li jsiru fis-sajf li ġej meta f’Tbilisi għelbu lill-Ġorġja 1-0 fil-finali tal-play-off ta’ Grupp D tal-UEFA Nations League. Il-gowl tar-rebħa u li fisser ukoll kwalifikazzjoni wasal fis-56 minuta meta wara azzjoni maħduma b’mod tajjeb bejn numru ta’ plejers, kien il-plejer veteran Goran Pandev li xeħet fix-xibka biex skorja s-37 gowl tiegħu għal pajjiżu.

L-Iskozja wkoll kwalifikat wara l-għoti tal-penalties, għall-ewwel turnament maġġuri sa mill-1998 meta dakinhar kienet kwalifikat għat-Tazza tad-Dinja ta’ Franza. RYAN CHRISTIE kien l-eroj għall-Iskoċċiżi meta x-xutt tiegħu minbarra l-kaxxa ħabat mal-lasta u daħal ġewwa. Is-serbja ġabu d-draw fid-89 minuta meta minn corner ta’ Filip Madenovic, kien LUKA JOVIC li b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Marshall. Il-partita marret għall-ħin barrani fejn iż-żewġ timijiet baqgħu fi draw ukoll u kienu l-penalties li ddeċidew il-konfront bl-Iskozja jirbħu 5-4. Għall-Iskozja skorjaw LEIGH GRIFFITHS, CALLUM MCGREGOR, SCOTT MCTOMINAY, OLIVER MCBURNIE, KENNY MCLEAN filwaqt li għas-Serbja skorjaw DUSAN TADIC, LUKA JOVIC, NEMANJA GUDELJ, ALEKSANDAR KATAI filwaqt li Aleksandar Mitrovic falla għas-Serbja.

Flimkien mal-Maċedonja u l-Iskozja, kwalifikaw ukoll l-Ungerija li b’żewġ gowls lejn it-tmiem kisbu rebħa ta’ 2-1 fuq l-Iżlanda. Kienu l-Iżlanda li fetħu l-iskor wara 11-il minuta bi ġmiel ta’ freekick ta’ GLYFI SIGRUDDSON. It-tim Iżalndiż għaraf jikkontrolla l-pressjoni tal-avversarji sat-88 minuta meta minn żball fid-difiża ta’ Arnason, kien LOIC NEGO li ġab id-draw. Fil-ħin mogħti żejjed DOMINIK SZOBOSZLAI skorja l-gowl tar-rebħa b’xutt minbarra l-kaxxa.

Minn Diviżjoni B kienu Slovakkja li kisbu kwalifikazzjoni meta għelbu wara l-ħin barrani għelbu lill-Irlanda ta’ Fuq 2-1. JURAJ KUCKA fetaħ l-iskor wara sbatax-il minuta. L-Irlanda ta’ Fuq ġabu d-draw tliet minuti minn tmiem il-partita meta f’tentattiv li jtajjar il-periklu, MILAN SKRINAR xeħet fil-lasta tiegħu stess. Fil-ħin barrani kien MICHAL DURIS li skorja l-gowl ta’ kwalifikazzjoni għat-tim Slovakk wara żball fid-difiża ta’ Jonny Evans.