Lokali Qorti

L-aħħar ċans mill-Qorti wara li 18-il sena ilu ffalsifika ċekkijiet

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella tagħat l-aħħar ċans raġel ta’ 60 sena minn Ħal Balzan li nstab ħati li ffalsifika numru ta’ ċekkijiet għad-dannu ta’ kumpanija, reati li jmorru lura aktar minn 18-il sena.

Fil-fatt il-Qorti wara li fliet il-karattru ta’ Robert Azzopardi, fejn qalet li mhux persuna li jixraqlu jispiċċa l-ħabs, qieset ukoll il-fatt li għadda ħafna żmien mit-twettiq tar-reat. Miegħu kien hemm persuni oħra nvoluti u li l-każ tagħhom instema’ b’mod separat.

Il-Qorti qalet li fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ fejn, minkejja n-natura tar-reati li wettaq, l-involviment ta’ Azzopardi kien wieħed marġinali, u fid-dawl tal-karattru tiegħu, li minn dakinhar tat-twettiq tar-reati qatt ma reġa’ wettaq reati simili jew ta’ l-istess natura, u li dan kien każ iżolat u ta’ darba, ma jkun ta’ ġid għal ħadd li timponi fuqu piena karċerarja effettiva jew waħda sospiża.

Il-Qorti qalet li lanqas huwa l-każ li jitqiegħed taħt Ordni ta’ Probation jew Ordni ta’ Servizz fil-Komunità jew Ordni ta’ Probation u Servizz fil-Komunità, u lliberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmel ebda reat ieħor matul il-perjodu ta’ sentejn mid-data tas-sentenza.

Minbarra l-kondotta, il-Qorti ħadet ukoll konsiderazzjoni wkoll li ma għandux problemi ta’ abbuż ta’ sustanzi jew alkohol u lanqas għandu problema ta’ logħob u li dan kien każ ta’ darba li qatt ma reġa’ rrepeta ruħu.

Huwa nstab ħati li bejn Ottubru tal-2001 u Jannar 2002, b’diversi atti magħmulin għamel falsifikazzjoni f’att awtentiku u pubbliku, li huma ċekkijiet ta’ l-H.S.B.C. li jappartjenu lil C.R. Ltd., billi biddel klawsoli, dikjarazzjonijiet forma ta’  skrittura falza.

Instab ħati wkoll li ffalsifika att pubbliku tal-Gvern u li  għamel użu minnhom, u li wettaq ingann sabiex iġiegħel titwemmen l-eżistenza ta’ intrapriżi foloz, u  għamel qliegħ b’qerq ta’ aktar minn €2,560 għad-dannu ta’ diversi persuni.

Instab ]ati wkoll li  laqa’ għandu jew xtara ħwejjeġ misruqa, indaħal biex ibiegħhom, liema oġġetti ġew mir-reat ta’ serq. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla.