Internazzjonali

L-Awstralja tista’ tipproċessa ‘reati tal-gwerra’ mis-suldati tagħha fl-Afganistan

It-Tmexxija tal-Awstralja qed taħseb biex taħtar investigatur speċjali bil-għan li hu jikkunsidra ‘numru ta’ prosekuzzjonijiet’ konnessi ma’ reati tal-gwerra li allegatament twettqu minn suldati Awstraljani fl-Afganistan.

Fl-aħħar snin ħareġu diversi rapporti li jallegaw ‘qtil illegali’ ta’ ċivili u priġunieri taħt idejn it-truppi tal-Awstralja. Intant, rapport dwar investigazzjoni militari (preparat fuq erba’ snin) mistenni jkun ippubblikat il-ġimgħa d-dieħla.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, wissa li r-rapport ‘għandu jirriżulta f’aħbarijiet u dettalji diffiċli għall-poplu ta’ pajjiżu’.

Hu irrefera għal ‘numru sinifikanti ta’ inċidenti li jridu jkunu suġġetti għal inkjesta fit-tul u kumplikata’.

Dan meta Morrison spjega li l-Uffiċċju tal-Investigatur Speċjali se jkollu l-poteri biex jeżamina r-rapport dwar il-komportament tal-membri tal-Qawwa tad-Difiża Awstraljana u – f’każ li meħtieġ – jinnomina ‘każi għal prosekuzzjoni kriminali.

L-Awstralja ilha mill-2016 tmexxi inkjesta wara bibien magħluqa rigward l-allegazzjonijiet ta’ ‘imġieba inaċċettabbli’ mis-suldati mal-iskwadri elitisti tal-Awstralja matul it-tours of duty fl-Afganistan.