Lokali Qorti

Mhux ħati li tajjar mara bi traskuraġni għax qasmitlu f’daqqa minn wara vann

Għawdxi ta’ 33 sena ma nstabx ħati li f”Marzu ta’ ħames snin ilu b’ nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkaġuna feriti gravi fuq mara meta tajjaraha bil-karozza fis-Swieqi.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-mara qasmet f’daqqa u dan wara li ħarġet minn wara vann bil-konsegwenza li Hugo Mamo ma kellux il-viżjoni ikun alert u jevita l-inċident hekk kif Carmen Sammut qasmet it-triq.

Mamo lanqas nstab ħati mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li fit-2 ta’ Marzu tal-2015 għall-ħabta tas-6.45pm. fi Triq is-Slielem, li kien qed isuq b’manjiera traskurata u b’velocità eċċessiva.

Carmen Sammut qalet fil-Qorti li dak inhar tal-inċident żewġ sorijiet għaddew għaliha biex iwassluha sabiex tagħti l-lezzjoni tad-duttrina lit-tfal f’Baħar iċ-Ċagħaq.

L-inċident seħħ fid-direzzjoni lejn Triq St. Andrew’s fi trejqa li tagħti ghal Madliena. Qalet li hija kienet miexja normali u ma kienx hemm karozzi għaddejjin.

Hija lemħet lil żewġha fil-kantuniera u fil-pront sabet ruħha fuq il-bonett tal-karozza. Carmen Sammut spiċċat b’feriti f’wiċċha u b’ċertu għadam imfarrak.

Kellha wkoll ‘blood clot’ f’moħħa li eventwalment telqet waħedha. Qalet li ma tantx kien hemm dawl fit-triq fejn seħħ l-inċident. Żewġha Carmelo Sammut qal li kien qed jistenna lil mara tiegħu, bil-kelb. Huwa kien faċċata ta’ fejn seħħ l-inċdent madwar 10 passi l-bogħod.

Ikkonferma li fit-triq setgħu jipparkjaw il-karozzi. Meta lemaħ lil martu ġejja lejh, fil-pront għaddiet karozza u ra lil martu ttir il-quddiem u taqa’ quddiem il-karozza mal-art.

Qal li l-karozza li tajret lil martu kienet BMW u kienet ġejja mid-direzzjoni ta’ San Ġiljan b’ċerta veloċità. It-triq ma kinitx waħda dritta, u allura l-karozza kellha tikser xi ftit għat-triq.   

Hugo Mamo fix-xhieda tiegħu spjega li dak inhar tal-inċident kif kien se jitla’ t-tela’ għall-Madliena, raha raġel bil-kelb tiegħu fuq in-naħa tax-xellug tat-triq, li kienet mudlama.

Hu u tiela’ t-tela’, raha karozza oħra nieżla u bid-dawl tal-istess vettura, f’xi ħin nnota mara li dlonk ħarġet minn wara l-karozza li kienet nieżla u għalhekk ma rahiex mill-ewwel.

Huwa laqatha fuq in-naħa tax-xelluga, fejn ikun hemm ix-xufier. Ċaħad li kien għaddej b’ċerta veloċita u dan jista’ jiġi ppruvat anke mir-ritratti fejn, mid-daqqa tal-impatt jidher li ma kienx hemm ħsarat fil-karozza u allura żgur li ma setax kien għaddej b’veloċità eċċessiva.

Id-difiża mhux biss qalet li l-inċident ma kienx tort tas-sewwieq, iżda tenniet ukoll li l-każ huwa wieħed preskritt, xi ħaġa li l-Qorti ma skartat mill-ewwel.

Il-Qorti iżda qieset sew l-argumenti tad-difiża li fil-ħin tal-inċident kien dlam ċappa u Triq is-Slielem tidher tela’ mxeqilba ftit il’fuq, u t-traffiku kien ġej mill-istess triq opposta. Il-mara qasmet mara minn naħa tar-‘railings’ għan-naħa tal-bankina.

Il-Qorti qalet li mill-provi ma jirriżulta minn imkien l-fatt li l-imputat kien qed isuq b’veloċità eċċessiva jew li tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu jew li skiddja u għalhekk il-Maġistrat Farrugia Frendo qalet li mhijiex moralment konvinta li s-sewqan tal-imputat kien bla kont u traskurat.

Il-Qorti thoss li l-inċident seħħ minħabba każ ta’ meta persuna taqsam f’daqqa u tissorprendi lis-sewwieq. jew tagħmel xi moviment insolitu u mhux mistenni u mhux ghaliex l-imputat saq b’mod traskurat jew perikoluz.  Għal dawn il-motivi ma ssibx lil Hugo Mamo ħati ta’ l-akkuzi kollha kif miġjuba kontrih u għalhekk tilliberah minn kull ħtija u piena.