L-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola għadha kif ġiet maħtura b’mod unanimu bħala Viċi President tal-Parlament Ewropew. L-aħbar ingħatat mill-President David Sassoli.
L-akklamazzjoni unanima tfisser li l-gruppi politiċi varji fil-Parlament Ewropew, inkluż is-Soċjalisti, qablu man-nomina ta’ Metsola biex tieħu din il-kariga tant importanti.
Roberta Metsola ilha sservi fil-Parlament Ewropew f’isem il-PN mill-2013.
Bħala l-Ewwel Viċi-President, Roberta Metsola se tgħin u tissostitwixxi lill-President tal-Parlament Ewropew fl-ewwel istanza, jekk ikun nieqes jew mhux disponibbli biex jaqdi dmirijietu. Dan jinkludi l-irwol li tippresjedi seduti plenarji jew anki li tirrappreżenta lill-Parlament f’ċerimonji speċifiċi.
Huwa rwol istituzzjonali, u allura wieħed mhux partiġġjan. Il-Viċi-Presidenza huwa rwol minqux fil-liġi tal-Unjoni Ewropea.
L-irwol tal-Ewwel Viċi-President għandu diversi responsabbilitajiet ta’ livell għoli relatati mar-rappreżentanza esterna tal-Parlament Ewropew u in-negozjati tal-leġiżlazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew.
Dan l-irwol il-ġdid ser jpoġġi lil Metsola fl-ogħla pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, miżmum minn persuna ta’ nazzjonalità Maltija. Minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, qatt ma kien hemm persuna ta’ nazzjonalità Maltija li okkupat kariga għolja daqs din.
Fl-ewwel kummenti lil Net News Roberta Metsola qalet li dan il-mument huwa ta’ sodisfazzjon għal Malta u Għawdex. Hija qalet li kellha appoġġ totali mill-Partiti fi ħdan il-Parlament Ewropew u għalhekk kien hemm akklamazzjoni unanima fil-konfront tagħha.
“Id-daqs ta’ pajjiżna qatt m’għandu jkun ta’ limitazzjoni”
Hija qalet li l-ewwel ħaġa li se tagħmel meta tkun mal-podium tal-Parlament Ewropew hija se titkellem bil-lingwa Maltija, il-lingwa Nazzjonali tagħna u lingwa uffiċjali Ewropea.
“Illum hija ġurnata li għandna nwarrbu l-politika partiġġjana u nifirħu li persuna Maltija għandha kariga bħal din”
F’reazzjoni inizjali, il-Viċi-President Metsola permezz ta’ stqarrija qalet: “Ninsab kuntenta ħafna u determinata li nuża r-responsabbiltajiet il-ġodda li ġejt fdati bihom, biex inkompli nkun vuċi b’saħħitha għaċ-ċittadini Ewropej, għal Malta u għal Għawdex u determinata li nkompli naħdem biex jinbnew pontijiet bejn forzi politiċi opposti.
“M’hemmx ħin x’nitilfu! Bil-Covid; t-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa pubbliċi; l-irkupru ekonomiku; it-theddida tat-terroriżmu; in-negozjati tal-BREXIT; President ġdid fl-Istati Uniti tal-Amerika; is-sitwazzjoni fil-Belarussja; sfidi kontinwi ta’ immigrazzjoni u l-qafas legali l-ġdid dwar l-istat tad-dritt fuq l-aġenda – Jien, flimkien mal-President Sassoli u l-ewroparlamentari l-oħra, se nkompli nagħmel il-parti tiegħi biex niżgura li tkompli tissaħħaħ r-rabta qawwija li hemm bejn il-Parlament Ewropew u iċ-ċittadini.”
//= $special ?>