Internazzjonali

Stati Uniti: Tranżizzjoni diffiċli għal Biden fost ‘l-intoppi’ mill-amministrazzjoni

Il-President-elett tal-Istati Uniti, Joe Biden, qed ikompli bil-preparamenti biex jieħu r-riedni tal-pajjiż, meta s-sinjali kollha qed juru li hu rebaħ l-elezzjoni għall-Presidenza tal-pajjiż.

Intant, is-sens ta’ antagoniżmu bejn id-Demokratiċi u r-Repubblikani tal-President Donald Trump għadu qed ibaqbaq sew, bi Trump għadu ma jridx jammetti t-telfa fl-elezzjoni tal-ġimgħa li għaddiet. Dan meta n-networks televiżivi kollha fl-Istati Uniti, fi tmiem il-ġimgħa, ħarġu numru ta’ ‘projections’ fis-sens li t-tellieqa għall-White House intrebħet minn Joe Biden.

Il-President-elett tal-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, kien qed jirċievi t-telefonati mingħand diversi mexxejja prominenti, fosthom il-Prim Ministru tal-Awstralja, Scott Morrison; il-Prim Ministru tal-Ġappun, Yoshihide Suga u l-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in.

Madankollu, id-Dipartiment tal-Istat Amerikan – skont l-aħħar rapporti – mhux qed jgħaddi l-messaġġi ta’ kongratulazzjoni li qegħdin jaslu lil Biden mingħand is-sorsi diplomatiċi.  L-istess Dipartiment lanqas mhu qed jgħin lill-Gvernijiet barranin biex jikkuntattjaw lill-President-elett għaliex il-General Services Administration – li tgħin tikkoordina t-tranżizzjonijiet relatati mal-Presidenza Amerikana – għad irid jirrikonoxxi formalment ir-rebħa ta’ Biden.

Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan, fil-passat, kien strumentali biex jiffaċilita l-kuntatti bejn President-elett u l-mexxejja barranin. Iżda diversi stazzjonijiet tal-aħbarijiet, fosthom CBS News, qalu li l-uffiċjali wara l-kampanja ta’ Biden, għalissa, qegħdin imexxu dan il-proċess ‘waħedhom’.

Fl-aħħar sigħat, is-sitwazzjoni kienet għadha inċerta, meta Donald Trump għadu jinsisti li ‘jaqleb ir-riżultat tal-elezzjoni’ fost l-akkużi ta’ frodi mhumiex sostanzjati.

Minbarra Pennsylania, Donald Trump qed jisfida legalment ir-riżultati tal-vot fl-Istati ta’ Michigan, Nevada u Arizona.

F’Michigan, Joe Biden għandu vantaġġ ta’ 148,645 voti wara meta l-għadd tal-voti f’dan l-Istat hu diġà konkluż. Il-kandidat tal-Partit Demokratiku  anki għandu vantaġġ (ta’ kważi 37,000 vot) fuq Trump f’Nevada, fejn għaddew 95 fil-mija tal-voti filwaqt li jinsab fuq quddiem f’Arizona, fejn id-distakk ma’ Trump kien ta’ 11,635 vot. F’Arizona laħqu għaddew 99 fil-mija tal-voti mitfugħin fl-Istat.

Fl-istess ħin, Joe Biden għandu 279 vot skont is-sistema tal-kulleġġ elettorali u li hu wkoll ammont insuperabbli.

Madankollu l-istħarriġ fl-Istati Uniti qed jindika li 70 fil-mija tal-partitarji tal-Partit Repubblikan(ta’ Trump)  ma jemmnux li l-elezzjoni tal-ġimgħa li għaddiet kienet waħda xierqa jew ħielsa.

Fi żviluppi oħra, Joe Biden għażel lill-uffiċjal veteran, Ron Klain, biex imexxi l-istaff tal-White House bħala Chief of Staff ġdid. Klain, li ilu żmien protagonista fix-xena politika ta’ Washington, ilu jikkollabora ma’ Biden mis-snin tmenin meta kienu fis-Senat u aktar ‘il quddiem meta Biden kien il-Viċi-President Amerikan fis-snin tat-tmexxija tal-President Barack Obama.

Intant, Ron Klain kien ukoll uffiċjal ewlieni fil-White House fi żmien Obama u, qabel, serva bħala Chief of Staff għall-eks Viċi-President Amerikan Al Gore.

Iċ-Chief-of-Staff tal-White House imexxi l-iskedi ta’ kuljum għall-President Amerikan u l-ħatra ta’ Klain f’dan ir-rwol ma kenitx tirrikjedi l-konferma tas-Senat Amerikan.