Bħala reazzjoni għall-Mistoqsija Parlamentari dwar l-attendenza fl-iskejjel, l-Uffiċċju talKummissarju għat-Tfal jixtieq jenfasizza t-tħassib tiegħu u dak tal-Kunsill tat-Tfal. Meta kienu ser jinfetħu l-iskejjel, l-Uffiċċju saħaq il-bżonn li l-attendenza fl-iskejjel tibqa’ obbligatorja ħlief għal dawk it-tfal li huma vulnerabbli.
L-istatistika ppreżentata turi, li minn dawk it-tfal li m’humiex jattendu l-iskola, nofshom biss huma vulnerabbli . Dan huwa inkwetanti għaliex ifisser li hemm numru ta’ tfal li mhumiex jirċievi l-ebda tip ta’ edukazzjoni mill-edukaturi.
L-assentijiżmu ilu jeżisti u minn dejjem kien hemm diversi sfidi sabiex il-professjonisti jilħqu dawk it-tfal li ma jattendux l-iskola obbligatorja. Il-pandemija ħolqot iktar sfidi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari għaliex l-attendenza fl-iskejjel ma baqgħetx obbligatorja u hemm numru ta’ tfal li m’aħniex qed nilħquhom.
L-iskejjel qed jagħmlu ħilithom sabiex jimplimentaw il-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa u għalhekk il-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal għandhom jagħtu priorità lill-attendenza tat-tfal fliskejjel u mhux lill-attivitajiet oħra bħal li jmorru jixtru jew attivitajiet ta’ divertiment.
L-Uffiċċju jixtieq jenfasizza l-bżonn ta’ investiment fit-tagħlim li jsir onlajn għal dawk it-tfal li ma jistgħux jattendu l-iskola. It-tfal għandhom ikollhom l-opportunità li jaqbdu mal-klassi b’mod dirett sabiex ikunu parti mill-lezzjonijiet.
L-Uffiċċju, flimkien mall-Kunsill tat-Tfal, jagħmel appell lill-awtoritajiet konċernati sabiex jagħmlu dak kollu possibbli sabiex id-dritt tat-tfal kollha għall-edukazzjoni jiġi assigurat.
//= $special ?>