Sport Waterpolo

Tliet akkwisti minn Exiles u Philip Paris iġedded il-kuntratt

Max Aquilina ingħaqad ma' Exiles mingħand Marsaskala

Għalkemm l-istaġun tas-sajf intemm ftit ġimgħat ilu, Exiles jinsabu għaddejjin b’ħidma kontinwa biex isaħħu l-iskwadra tagħhom għas-sena d-dieħla u jerġgħu jikkonfermaw il-pożizzjoni tagħhom fil-Kampjonat Premier. Exiles taħt it-tmexxija tal-eks plejer tagħhom Aurelien Cousin, ħabbru li Philip Paris ġedded il-kuntratt mal-klabb filwaqt li akkwistaw lil David Fenech, Max Aquilina u Niall Saliba li kollha ffirmaw kuntratt ta’ erba’ snin.

Philip Paris ilu parti mit-tim ta’ Exiles għal dawn l-aħħar tliet staġuni u l-konsistenza fil-logħob tiegħu żammet lilu parti mit-tim taħt it-tmexxija ta’ Marko Cuk u Igor Vukanovic. David Fenech lagħab ma’ Exiles din is-sena b’self mingħand Sliema. Minbarra Exiles, fl-aħħar ħames snin, Fenech lagħab ukoll darbtejn ma’ Ta’ Xbiex, staġun ma’ Valletta u staġun ma’ Sliema.

Niall Saliba ngħaqad ma’ Exiles b’mod permanenti mingħand Sliema. Fl-aħħar erba’ snin, il-plejer ta’ 20 sena lagħab fl-Ewwel Diviżjoni ma’ Ta’ Xbiex u magħhom kien plejer regolari fejn kiseb il-minuti neċessarji fl-ilma biex għenuh itejjeb il-logħba tiegħu.

Max Aquilina se jibda esperjenza ġdida fil-karriera wara li ntlaħaq ftehim ma’ Marsaskala. Il-plejer ta’ 22 sena li hu prodott ta’ Sliema, lagħab l-aħħar żewġ staġuni ma’ Marsaskala u magħhom rebaħ il-Kampjonat u n-knock-out tal-Ewwel Diviżjoni s-sena l-oħra. F’dawn is-sentejn, Aquilina stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-plejers importanti ta’ Marsaskala u anki beda jsib ix-xibka b’mod regolari.