Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien il-Partit li emmen fil-kapaċità tal-poplu tagħna, anke fil-fora Ewropej. Tant hu hekk li grazzi għall-ħidma tal-Partit Nazzjonalista, illum pajjiżna jinsab fil-quċċata tal-post fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta laqa’ fl-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali lill-Ewwel Viċi President il-ġdida tal-Parlament Ewropew – il-Maltija u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola – fil-bidu tal-ħidma tagħha fit-tielet l-ogħla kariga fil-Parlament Ewropew.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li l-Partit immexxi minnu jemmen li kulħadd kapaċi jirnexxi u li ħadd m’għandu jibqa’ lura.
Min-naħa tagħha, Roberta Metsola rringrazzjat lil Bernard Grech, lill-Partit Nazzjonalista u lill-poplu Malti u Għawdxi għall-appoġġ kontinwu li sabet f’dawn is-snin ta’ ħidma, filwaqt li tħares ‘il quddiem għal aktar ħidma b’risq il-Partit u b’risq il-pajjiż.
Qabel il-laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola ltaqgħet ukoll mas-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech, filwaqt li ħadet l-okkażjoni ssellem u tirringrazzja lill-impjegati tal-Partit u ta’ Media.Link Communications.
Mal-ġurnalisti, l-Ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew spjegat li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem u jistinka biex jara li f’pajjiżna jirrenjaw mill-ġdid il-ġustizzja u l-verità.
Sadanittant, aktar tard matul il-jum, Roberta Metsola kellha wkoll laqgħa ta’ korteżija mal-President tar-Repubblika George Vella.
//= $special ?>