Lokali Qorti

Chris Cardona jammetti l-iżbalji tal-Gvern, li ġie ffrejmjat u li għall-konvenjenza qed isemmu l-‘kitchen cabinet’

Il-Ministru Chris Cardona filwaqt li qal li ddejjaq fil-politika u ammetta li l-Gvern żbalja aktar minn darba, ikkritika lil dawk li qalu li kien jeżisti ‘kitchen cabinet’.

Huwa qal li l-istess persuni qatt ma qalu xejn qabel, anzi dawk li llum qegħdin jgħaddu kummenti fuq il-kabinett tal-kċina kienu jċapċpu lil Joseph Muscat.

“Illum konvenjenti li jitkellmu b’dan il-mod meta hemm Prim Ministru ġdid, jien ngħid li ma kien hemm l-ebda ‘kitchen cabinett. Mhuwa minnu xejn li dan kien jeżisti”

Dawn kienu l-kummenti ta’ Chris Cardona b’referenza ċara għad dawk li diġa xehedu fl-Inkjesta dwar il-‘kitchen cabinet’ fosthom il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.

Mingħajr ma semma’ ismijiet qal li xi ħadd minn ġewwa iffrejmjah. Qal li huwa għandu suspett f’min seta’ u qed jipprova jagħmillu l-ħsara, imma ma jistax jitkellem fuq suspetti. Qal iżda li meta jkun magħruf min qed jigdeb fuqu, huwa se jieħu l-passi kollha li tagħtih il-liġi.

L-eks Ministru Chris Cardona ammetta wkoll li l-Gvern għamel ħafna żbalji. Huwa semma l-ftuħ ta’ kumpaniji fil-Panama, l-ftehim mal-VGH fuq l-isptarijiet, li qal li ma sarux b’mod korrett.

Qal ukoll li hemm nies li jagħżlu li jieħdu l-affarijiet f’idejhom aktar milli jsolvuhom fil-Qorti. Mistoqsi jekk iħossx li Muscat ġie ttradut, Cardona qal: “Iva. Għadni niltaqa ‘mal-eks-Prim Ministru u nħoss d-dieqa tiegħu.

“Personalment jien ma ħassejtnix tradut minn dawk li ħadmu viċin tiegħi. Pero Muscat kien tkellem fuq dan u qal li hu ħassu tradut. Sentiment wieħed li żgur li jinħass,” tenna x-xhud.

Dan ħareġ meta kompliet l-inkjesta pubblika fejn fil-bidu tagħha l-eks Ministru Chris Cardona qal li minkejja li sentenza tal-Qorti qalet li għandha ssir inkjesta fil-konfront tiegħu, tal-Ministru Edward Scicluna u Konrad Mizzi, liema inkjesta jemmen li bdiet, iżda għadhom ma bagħtux għalih, xorta wara lest li jixhed appertament.

Il-Bord ta’ Inkjesta xorta waħda nforma lil Cardona li qed jingħata twissija li jista’ ma jixhedx fuq xi affarijiet jekk jixtieq minħabba li jista’ jinkrimina ruħu, iżda Cardona qal xorta waħda li jrid iwieġeb il-mistoqsijiet kollha li jagħmillu l-Bord.

Chris Cardona kkonferma li hu kien issejjaħ mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera dakinhar tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Filwaqt li ċaħad l-involviment tiegħu f’dan kollu, qal li kien fost grupp ta’ nies li ssejħu, imma sadattant, il-familja Caruana Galizia kienet ressqet rikors biex Scerri Herrera tirrekuża ruħha mill-każ.

Cardona tenna li mar darba għand il-Pulizija wara li xi attivisti ta’ Daphne Project kienu ressqu lment kriminali u taw in-numru tiegħu lill-Pulizija. Huwa kien ta stqarrija lill-Pulizija dwar dan.

Kompla jgħid li darba kien ċempillu l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar. Huwa qallu li riedu jkellmuh għal madwar 10 minuti. Dan kien qabel tfaċċat l-ittra li mplikatu fil-qtil.

Kien hemm is-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra, u tahom l-istqarrija tiegħu. Qal li llum jifhem li dan kellu x’jaqsam mal-ittri li ngħataw lil Yorgen Fenech, imma dak iż-żmien ma qalulux.

Mistoqsi għaliex ma fetaħx libell wara li saru allegazzjonijiet fuqu, huwa jgħid li wara l-libelli li fetaħ kontra Caruana Galizia, qatt mhuwa se jerġa’ jiftaħ libell ieħor.

L-ittri li għaddew li Yorgen Fenech

Cardona qal li għandu jkun hemm evidenza wara allegazzjonijiet li saru dwaru, pereżempju dwar li għamel attentat ta’ suwiċidju. l-mistoqsijiet kemm mill-Bord u anke mill-Avukat Comodini Cachia kkonċentaw ħafma fuq l-ittri li ngħaddew lil Yorgen Fenech.

Qal li għandu idea min kien wara dawn l-ittri u li kieku jaf biċ-ċert diġaż fetaħ proċeduri fil-Qorti. L-Imħallef Abigail Lofaro staasitu għaliex ma insistiex li tiġi investigata l-kalligrafija fl-ittri.

Huwa qal li ma hemmx għalfejn jagħmel dan hu, tenna li l-Pulizija jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol, u saħaq li hu ma jrid jindaħal fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija. Lofaro terġa tistaqi, għaliex għalhekk ma ħax passi. Qal li għalxejn.

Mhux minnu li kien l-avukat tal-aħwa Degiorgio jew li ltaqa’ magħhom

L-Avukat Comodini Cachia staqsietu fuq kummenti li għamel fuq il-programm Dissett fuq TVM meta qal li hu “vittma ta’ frame-up”. Qal li kien hemm ħafna stejjer dwaru u li jiltaqa’ u jara ċerti nies.

“Ir-rapporti dwari li konta l-Avukat tal-aħwa Degiorgio jew li kont niltaqa’ magħhom huwa kollu gideb, u li tal-Maksar naf biss lil wieħed minnhom li jismu Adrian”.

Huwa ċaħad li ltaqa’ mal-aħwa Degiorgio f’ li Stables Bar il-Belt, jew li xi darba mar għandu. Lanqas li qatt xi darba wieġed mid-Degiorgio’s, “Il-Fulu” mar il-Ministeru tiegħu.

Dwar jekk kienx l-avukat ta’ Vince Muscat il-Koħħu, Cardona qal li darba rrappreżentah biex jieħu l-bail, imma ma jiftakarx is-sena, iżda ma jiftakarx li kien inħeles permezz tiegħu f’Mejju tal-2010.

L-avukat Jason Azzopardi staqsa fuq il-fatt li t-tifla tal-Fulu kienet impjegata fil-Ministeru tiegħu fl-2017. Cardona jgħid li ma kienx jaf, sar jaf wara li applikat għal skema, u ħadmet fis-sajf f’waħda mill-entitajiet tal-Gvern.

Dwar Toni l-Bigli, qal li dan huwa Anthony Chetcuti li kien Pulizija, u li kien fl-Ispecial Assignment Group (SAG), u wara kien uffiċjal tas-sigurtà għal personalitajiet għolja bħall-Papa u Angela Merkel.

Qal li dan kien telaq il-Korp u għen lil Cardona fil-kampanja tiegħu. Ikkonferma li kien mar jaħdem il-Port il-Ħieles, wara 25 sena ta’ servizz, u mbagħad kien intgħażel wara sejħa, biex ikun uffiċjal tas-sigurtà fil-Port il-Ħieles.

Chris Cardona ikkonferma li Joseph Muscat ħassu ħażin jumejn qabel l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, waqt attività fil-lukanda Le Meridien f’Tas-Sliema. Huwa kien għen lill-eks Prim Ministru u li ġara kien li ma kien kiel xejn dak inhar.

L-Avukat Cardona ma setax jikkonferma li kmieni s-sena li għaddiet, kien staqsa lil Yorgen Fenech biex jiltaqgħu għal ikla. Huwa qal li jista’ jiċċekkja għax għad għandu l-messaġġi.

Wara li ċċekkja qal li l-aħħar messaġġ ta’ Yorgen Fenech imur lura għal għat-28 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra u dan kien dwar xi lezzjonijiet taż-żfin tat-tfal tagħhom. Huwa kkonferma wkoll li għadu jiltaqa’ ma’ Joseph Muscat.

Cardona qal ukoll li l-Prim Ministru kien ċempillu u stiednu għal laqgħa tal-Grupp Parlamentari fil-Girgenti. Muscat qal lill-membri tal-Kabinett li assigura ruħu li Cardona mhux qed jiġi investigat, u hemm Muscat ħabbar li Cardona kien qed jerġa’ jiddaħħal fil-grupp.

L-Avukat Comodini Cachia qalet lil Cardona li hu ffirma għall-ftehimiet imma ma kienx involut fin-negozjati u staqsiet min kien jinnegozja. Huwa ta żewġ eżempji.

Qal li jekk il-proġett ikun marbut mas-saħħa, il-Ministru tas-Saħħa jwettaq in-negozjati. Bl-istess mod, ġieli ffirma ftehimiet fuq l-edukazzjoni li kienu jiġu nnegozjati mill-Ministru tal-Edukazzjoni.

Tenna li kienu joqogħdu attenti ħafna għall-kliem li jużaw fil-ftehimiet, biex iħallu biżżejjed spazju għall-Gvern biex jimmanuvra. Il-Gvern kien ikollu pjan biex joħroġ mill-ftehim f’każ li l-affarijiet imorru ħażin.

Dwar min kien il-Ministru li nnegozja l-ftehim tal-VGH – jekk kienx il-Ministru tas-Saħħa kurrenti, Dr Chris Fearne, jew dak preċedenti, Dr Godfrey Farrugia, Cardona qal li kien Konrad Mizzi.

Konrad Mizzi kien ammetta li żbalja

Dwar il-fatt li Mizzi ma rriżenjax, ix-xhud qal dak iż-żmien, Konrad Mizzi ammetta li ħa żball u tteħidlu l-portafoll u l-Ministeru. F’dak l-istadju kien għadu tal-idea li l-iżball kien ikrah imma li kien ġej mill-medjokrità u min-nuqqas ta’ ħsieb aktar milli minn xi malizzja.

Qal ukoll li ma jiftakar bl-ebda nuqqas ta’ qbil fil-laqgħat tal-Kabinett meta kien jiġi diskuss xi proġett nazzjonali. Id-deċiżjoni finali kienet tkun waħda kollettiva.

L-Imħallef Mallia ikkummenta fuq il-fatt li kien hemm azzjonijiet, uħud li ħarġu fil-beraħ u oħrajn li għadhom allegazzjonijiet. Tenna li l-affarijiet li ma sarux sew, u jsemmi s-sidien tal-Electrogas u 17 Black. Huwa staqsa lil Cardona kif sar jaf bihom hu, u qal li sar jafhom mill-media.

Huwa qal li qatt ma tilef laqgħa tal-Kabinett li kien ikollu bejn 12 u 15-il suġġett fuq l-aġenda. Il-laqgħa normalment tibda fl-10am u ddum sa xi s-2pm jew it-3pm.

Wara l-laqgħa, il-Prim Ministru kien jitkellem ma’ xi membri tal-Kabinett fuq il-portafoll tagħhom, jgħid Cardona. Kulħadd ikollu l-aġenda tiegħu li tiġi diskussa.

Cardona tenna li kien il-preżentazzjonijiet tekniċi kien jippreżentahom hu stess, u kien ikun hemm xi esperti tekniċi barra lesti biex iwieġbu l-mistoqsijiet.

Madankollu jekk il-kwistjoni tkun waħda teknika, kienu jippreżentawha l-esperti stess u hu kien jagħmel l-argumenti politiċi u jippreżenta n-narrattiva tal-Gvern.

L-eks Ministru tenna li sar jaf bil-ftehim tal-Vitals mill-Kabinett, u l-istess jgħodd għalElectrogas. L-Imħallef Michael Mallia staqsieh għaliex iffirma dan il-ftehim. Cardona qal li dan għaliex hu kien jiffirma l-ftehimiet kollha tal-Gvern mal-entitajiet barranin. L-NAO wkoll staqsieh dwar dan.

Ix-xhud qal li fiż-żmien li huwa għamel bħala Ministru tal-Ekonomija, ġew iffirmati 15-il ftehim ma’ negozji barranin u Universitarjiet, bħal La Sapienza, Vitals Global Healthcare, il-Bank Malti għall-Iżvilupp u oħrajn.

Kien hemm aktar minn 10 ftehimiet ta’ natura istituzzjonali, jiġifieri li l-Gvern daħal fi ftehim mal-Arabja Sawdija, mal-Alġerija, mat-Tuneżija, mal-MCAST. Tenna li ħamsa oħra għadhom qed jiġu nnegozjati.

Ma jipparteċipax fin-negozjati imma kien jiffirma l-MoU

Saħaq li hu ma pparteċipax fin-negozjati, imma kien jiffirma bħala rappreżentant tal-Gvern. Qal li l-memorandum of understanding (MoU) huwa biss ftehim biex jiġi negozjat kuntratt, u mhuwiex dokument li jorbot lill-Gvern.

Mistoqsi mill-Bord fuq il-ftehim iffirmat ħames xhur qabel ħarġet is-sejħa għall-proposti (RfP), Cardona jgħid li ma kienx jaf li kien se jkun hemm sejħa. Cardona tenna li d-deċiżjoni x’aktarx qalulu biha mill-Malta Enterprise, imma f’dal-każ, kellhom jinfurmaw lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Dwar dan kollu Cardona qal li l-uniku proġett li ntalab jixhed dwaru kien tal-Vitals Global Healthcare, quddiem in-National Audit Office. Cardona iddeskriva l-kwistjoni tal-Panama Papers bħala waħda nkwetanti ħafna.

Qal li għall-bidu, kien jaqbel mal-Prim Ministru Joseph Muscat li Keith Schembri u Konrad Mizzi jżommu l-kariga tagħhom. L-opinjoni tiegħu kienet li jagħtihom ftit żmien ċans, iżda ammetta li wara huma spiċċaw tefgħu dell fuq il-Gvern.

17 Black baqgħet mażżra m’għonq il-Gvern

Għall-mistoqsija minn tagħha tal-Bord, qal li din l-opinjoni bidilha wara l-aħbar fuq 17 Black. L-istorja baqgħet mażżra m’għonq il-Gvern, “konna nniedu xi proġett tajjeb u l-ġurnalisti jiġu jistaqsuna fuq 17 Black.”

Dwar Keith Schembri qal li kellu idea tiegħu qabel mill-Università, imbagħad sar jafu fl-2012. Dwar jekk kellux xi rwol ieħor ta’ tmexxija apparti dik ta’ Chief of Staff, wieġeb fin-negattiv, qal li jaħseb li kien maħtur membru fil-bord ta’ Smart City.

Ix-xhud qal li Keith Schembri ta’ spiss kien jattendi għal-laqgħat tal-Kabinett, u hu kien jiddiskuti kwistjonijiet miegħu b’mod regolari. Fuq mistoqsija tal-Imħallef Abigail Lofaro jekk Schembri kienx jindaħallu, Cardona qal li le.

Tenna li anzi bil-maqlub. Kien javviċinah għall-pariri. u jekk wieħed jgħd li kien jindaħal, dan kien jagħmlu b’mod pożittiv. Huwa ċaħad li Schembri kellu poteri ta’ politiku elett mill-poplu.

Cardona jgħid ukoll li l-poter li kellu Schembri kien proporzjonat għall-irwol tiegħu. Jiddeskrivih bħala “indispensabbli” fl-operat tal-Gvern. Qal li lil Konrad Mizzi ilu jafu mindu kien għadu żgħir.

Dan peress li kien jgħallem l-Ingliż fi skola fejn Mizzi kien ħaddiem student, u dan meta kellu 16-il sena. Peress li hu ikbar minnu, xi kultant kien iwasslu d-dar. Imbagħad dam snin ma jarah, sakemm darba ltaqa’ miegħu f’Ħal Balzan ma’ martu. Ma kinux tkellmu fuq politika.

Qal li reġa’ ltaqa’ miegġu meta kien tfaċċa biex jippreżenta lill-Partit Laburista l-powerstation li taħdem bil-gass. F’moħħu, kien l-espert li kien se jmexxi ‘show’ u mhux kandidat. Dak iż-żmien Chris Cardona qal li ma kellux idea li Mizzi se joħroġ għall-elezzjoni u jakkwista portafoll ministerjali.

Kien għamel preżentazzjoni li fiha kkompara l-‘heavy fuel oil ‘mal-gass. Kompla jgħid li kien daqsxejn sorpriż li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni, peress li l-Partit Laburista kien għadu mhux fil-Gvern għall-Enerġija ma kienx hemm.

L-eks Ministru Chris Cardona qal li kien juża WhatsApp ma’ Keith Schembri u Joseph Muscat, imma ma kienx involut fil-grupp fuq WhatsApp bejn Schembri, Muscat u Yorgen Fenech.

L-Imħallef Mallia staqsa lil Cardona jekk kienx ivvota favur Konrad Mizzi fil-vot ta’ fiduċja. Huwa wieġeb li vvota favurih u li l-vot ma kienx wieħed ħieles u li dan kien taħt il-Whip tal-Gvern. “Meta jkollok vot kunfidenzjali ma jistax ikun vot ħieles.”

Dwar Daphne Caruana Galizia qal li r-relazzjoni tiegħu magħha, Cardona qal li qatt ma kellimha, la wiċċ imb wiċċ u lanqas b’xi mezz ieħor. Sostna li l-qtil tagħha kien wieħed makabru u kundannabbli.

Qal ukoll li hi kellha l-ġudizzju tagħha fuqu, li hu bniedem stupidu, li għandu l-vizzju tad-droga u affarijiet oħra. Huwa qal li ma ħax gost li t-tfal tiegħu kienu qegħdin imorru l-iskola u n-nies bdew jgħidulhom li missierhom traffikant tad-droga.

Tenna li -allegazzjonijiet fuqu minn Daphne Caruana Galizia bdew ħafna qabel l-allegazzjonijiet dwar il-burdell fil-Ġermanja. Qal li hija bdiet tikteb fuqu meta sar Ministru, saħansitra kitbet dwaru anke meta ġab kelb.

Ifaħħar il-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia

Minkejja dan kollu huwa faħħar il-kitbiet ta’ Caruana Galizia u qal li kellha pinna u Ingliż eċċellenti. Qal li huma ma setgħux isibu persuna ta’ livell tagħha biex jipprova jopponi dak li kienet tgħid hi.

Cardona kompla jgħid li Daphne kienet tikteb fuq il-ħajja personali tiegħu biss u saħaq li anke meta kienet qed tikkritika lil Adrian Delia, daħħlitu fil-kredu,, imma qal ukoll li l-kritika tagħha lejh kienet ħafna fost l-agħar.

L-Avukat Comodini Cachia qalet lix-xhud qal li huwa qal li ma kellux relazzjoni ma’ Daphne Caruana Galizia. Staqsietu jekk blokkjax in-numru tagħha.

Cardona tenna li bblokkja numri li mhumiex issejvjati fuq il-mowbajl tiegħu u li jċemplu b’mod persistenti. Kien antiċipa li se ċċempillu u għalhekk ibblokkja n-numru tagħha.

Qal li lill-vittma kien kellimha darba, staqsietu fejn joqgħod. Dak iż-żmien kien qed joqgħod fl-appartament f’Portomaso, u Caruana Galizia marret tfittxu fil-ħanut Stables Bar il-Belt Valletta, u kellmitu hemm.

Dwar kif sar jaf dwar l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, Cardona qal li kien ma’ Joseph Muscat f’Tas-Sliema għal avveniment. Kienu qegħdin fil-karozza, għaddejjin minn Tas-Sliema, eżattament fejn il-Ferries meta ra l-aħbar li kien hemm bomba.

Sakemm waslu l-uffiċċju l-Belt, kienu jafu biss li kien hemm bomba. Qal li huwa jemmen li l-ġurnalista nqatlet minħabba xogħolha. Tenna wkoll li kieku xi ħadd semma l-Bidnija fl-aħbarijiet, kien jagħmel 1+1, u mill-ewwel jasal għall-konklużjoni.

Qal li kien ixxukkjat b’dak li ġara u li l-qtil tagħha kien ġie diskuss fil-kabinett. Il-Bord tal-Inkjesta xtaq ikun jaf fuq il-kawżi ta’ libell li Cardona ppreżenta kontra Caruana Galizia fuq l-allegazzjonijiet tagħha li hu żar burdell fil-Ġermanja waqt li kien fuq xogħol.

Saħaq ukoll li l-ordni ta’ sekwestru li għamel lil Daphne, kienet deċiżjoni unika tiegħu, u kontra kull parir legali tal-avukati tiegħu, għax ried reazzjoni proporzjonata”għar-reazzjoni li kellu fuq l-artiklu fuqu.

Ix-xhud qal ukoll li sar ‘frame-up’ fuqu meta kien qed jingħad li huwa nvolut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Hawn Cardona ġie mistoqsi fuq l-ittri li Keith Schembri bagħat lil Yorgen Fenech waqt li dan kien fil-kustodja tal-Pulizija. Dawn l-ittri kienu jimplikaw lilu fil-qtil.

Huwa qal li ma jafx b’dan kollu u ma jafx min kiteb ittra partikolari, anke jekk personalment jista’ fosrsi jissoponiu. Huwa kien qed jitkellem fuq l-ittra li nstabet fl-appartament ta’ Yorgen Fenech.

L-investigazzjonijiet fuq dan għadhom għaddejjin, u Cardona qal li jrid jieħu passi kontra min kiteb l-ittra. Cardona qal li saru ħafna allegazzjonijiet dwaru.

Fost dawn li huwa poġġa pistola f’ħalqu, li pprova jwettaq suwiċidju, li daħal l-isptar, li għamel telefonati man-nies involuti fil-qtil. Saħaq li l-ebda minn dawn l-allegazzjonijiet ma ġiet verifikata.

Telaq mill-politika għax saritlu wisq ħsara

L-eks Ministru Cardona qal li huwa ddeċieda li jħalli l-poltika għax saritlu wisq ħsara għalxejn. Minkejja li din kienet fattur fid-deċiżjoni tiegħu li jħalli l-politika kien hemm raġunijiet oħra.

Ħass li kien wasal iż-żmien ukoll li jagħmel xi ħaġa oħra wara dawn is-snin kollha fil-politika. Tenna wkoll li hu u Yorgen Fenech kellhom ikla waħda bejniethom. Din kienet laqgħa ta’ xogħol, fuq diżgwid bejn partners kummerċjali. Qal li lill-familja Fenech ilu jafha għal żmien twil.

Qal li ma kellux idea li Yorgen nFenech, Joseph Muscat u Keith Schembri kienu ħbieb kbar. Kien jaf li Muscat u Schembri kienu ħbieb u li jsiefru flimkien, imma ma kienx jaf bir-relazzjoni tagħhom ma’ Fenech.

Huwa qal ukoll li jaf lil Silvan Fenech, li jiġi l-kuġin ta’ Yorgen, u li dan kien tah appartament f’Portomaso. Sostna li kien iħallas il-kera bir-rati kummerċjali, u mar jgħix hemm minħabba xi problemi li kellu fiż-żwieġ tiegħu.

Wara d-diversi mistoqsijiet li saru mill-Bord ta’ Inkjesta bdew isiru miostqosijiet mill-Avukat Therese Comodini Cachia. Hawn huwa qal li jaqbel perfettament li kull min żbalja jrid iħallas.

Min għamel xi żbalji unilaterali, irid iħallas għalihom b’mod unilaterali, u qal li l-persuna inkwistjoni m’għandhiex tistenna li ħaddieħor jinżamm responsabbli għall-iżbalji tagħha.

Comodini Cachia staqsiet lix-xhud dwar responsabbiltà politika u mhux dik legali. Huwa wieġeb billi qal li l-kumpaniji fil-Panama kienu żball politiku kbir, filwaqt li kkumpara dan bħala eżempju ċar ta’ deċiżjoni politika u waħda tal-familja.

Huwa qal li dan ma kienx l-unika żball li għamel il-Gvern. Qal li kien hemm oħrajn. Fuq mistoqsija mill-Bord kif huwa qatt ma raha lil Yorgen Fenech Kastilja meta dan daħal għal diversi drabi, Cardona qal li kien jidħol fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru mill-bieb prinċipali u jmur direttament fl-uffiċċju ta’ Joseph Muscat mingħajr ma jmur fl-uffiċċju ta’ Keith Schembri.

L-inċertezza fil-pajjiż u s-surveys kienet ir-raġuni li saret elezzjoni bikrija

Chris Cardona qal li huwa sar jaf li kienet se ssir elezzjoni bikrija fl-2017 fuq żewġ binarji. Waħda li kien hawn inċertezza fil-pajjiż b’ħafna protesti li kienu qegħdin isiru.

Fattur ieħor kien li s-sondaġġi kienu qed jagħtu rebħa ċara lill-Partit Laburista u minħabba f’hekk il-Prim Ministru ddeċieda li jmur għall-elezzjoni ġenerali.

Wara li x-xhieda tiegħu ma saritx nhar it-Tnejn Cardona beda jwieġeb għad-domandi. Din l-inkjesta pubblika hija mmexxija mill-Imħallef irtirat Michael Mallia, l-ex-Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro. L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru għall-familja Caruana Galizia.

L-għan tal-inkjesta hu biex isir magħruf jekk l-istat setax għamel xi ħaġa biex il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizija ma jseħħx. Mal-ħatra tal-Prim Ministru Robert Abela f’Jannar li għadda, Cardona tneħħa minn Ministru u F’Ġunju li għadda, huwa rreżenja wkoll mill-Parlament.

L-inkjesta li qed jiffaċċa Chris Cardona, Edward Scicluna u Konrad Mizzi hija fuq il-ftehim mal-Vitals Global Healthcare għaddejja u qed titmexxa mill-Maġistrat Gabriella Vella.

L-inkjesta pubblika se tkompli nhar it-Tnejn fis-2.00pm bix-xhieda tal-Kummissarju Angelo Gafa, dejjem jekk huwa disponibbli. L-inkjesta mbgħad tkompli l-Erbgħa fid-9.30am meta mistenni jixhed Joseph Cuschieri, CEO tal-MFSA u li bħalissa jinsab sospiż.