Lokali Qorti

Erba’ snin u 11-il xahar ħabs fuq tliet serqiet fosthom ġojjellerija mill-ajruport

Raġel ta’ 46 sena mill-Marsa ġie kundannat erba’ snin ħabs u 11-il xahar ħabs wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li huwa wettaq tliet serqiet u attentat ta’ serq mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fosthom minn ħanut tal-ġojjellerija, li minnu seraq b’madwar €6,000. Is-serqa saret f’dan il-każ mill-vetrina tal-ħanut.

Joseph Buttigeig ammetta wkoll b’serq ieħor minn żewġ vetrini oħra li jinkludu wkoll Ipad, tablet u oġġetti oħra, u li seraq mill-pompa tal-petrol tal-ajruport, u attentat ta’ serq mill-istess pompa.

Il-każ seħħ it-Tlieta filgħaxija tal-ġimgħa l-oħra meta l-Pulizija kienet infurmata bis-serqa mill-ħanut tal- ġojjellerija, bil-ħalliel jinqabad mill-kameras tas-sigurtà jaħrab mill-post.

Ir-raġel li huwa magħruf sew mal-Pulizija nstab fir-residenza tiegħu l-Ħamis filgħaxija u ġie mill-ewwel arrestat. Minn investigazzjonijiet ulterjuri l-istess persuna irriżulta li fit-30 ta’ Ottubru wettaq serqa minn ħanut ieħor fl-ajruport u li fit-3 ta’ Novembru seraq mill-pompa tal-petrol.

Irriżulta li l-Ħamis stess, wara li diġa kienu ttieħdu l-filmati tas-CCTV, huwa pprova jwettaq serqa mill-istess pompa tal-petrol tal-ajruport. Fuq dawn l-akkuża huwa ġie kundannat erba’ snin ħabs. Buttigieg kien ikkundannat 11-il xahar ħabs oħra wara li ammetta wkoll li sar reċediv u li kiser ordni sentenza sospiża mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Saviour Baldacchino u Karl Roberts. Għal Buttgieg deheret l-Avukat tal-Għajnuna Legali Martha Mifsud.