Riżultat ieħor mill-aqwa għaż-żagħżugħa Tenishia Thornton hekk kif ikklassifikat fit-tielet post fit-Tazza tad-Dinja ta’ taħt is-17-il sena tal-IWF. Minħabba l-pandemija tal-Covid-19, din il-kompetizzjoni ġiet organizzata b’mod virtwali, b’Thornton tikseb l-ewwel midalja għal Malta f’dan il-livell ta’ dan l-isport. Thornton li għad għandha 15-il sena, kienet it-tieni l-iżgħar kompetitriċi minn total ta’ 11-il weightlifter parteċipant.
Hi refgħet total ta’ 71 kilo fis-snatch wara li għamlet b’suċċess it-tliet tentattivi tagħha. Fil-clean and jerk, Thornton refgħet 80 kilo fl-ewwel tentattiv, falliet it-tieni tentattiv ta’ 84 kilo iżda għalqet bl-aħjar mod hekk kif refgħet il-piż li falliet ftit minuti qabel.
B’hekk iż-żagħżugħa Maltija spiċċat fit-tieni post fis-snatch wara Arriaga Velez tal-Messiku u qabel Karoll Alvarez Lopez tal-Kolombja. Għalkemm ma spiċċatx mal-ewwel tlieta fil-clean and jerk, ir-riżultati miksuba kienu biżżejjed biex finalment Thornton ikklassifikat fit-tielet post b’total ta’ 155 kilo. Velez rebħet il-kompetizzjoni b’total ta’ 159 kilo, b’Lopez issegwi b’156 kilo.
Illum ikun fl-azzjoni iż-żagħżugħ Rylee Borg fi Grupp B tal-kategorija tas-67 kilo.
//= $special ?>