Internazzjonali

Iċ-Ċina tawgura lil Joe Biden…wara silenzju fit-tul

Iċ-Ċina, sa fl-aħħar, awgurat lil Joe Biden għar-rebħa proġettata tiegħu fl-elezzjoni tal-Istati Uniti. Il-messaġġ ta’ awgurju, intant, wasal biss wara kważi ġimgħa ta’ silenzju minn Beijing…Silenzju ‘sinifikattiv’ li seta jindika proprju kif ir-reġim komunista f’Beijing ‘qed jaħsibha’ dwar ir-riżultat tal-elezzjoni.

Kelliema għall-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin qal li ‘iċ-Ċina tirrispetta l-għażla tal-poplu Amerikan waqt li testendi l-kongratulazzjoni lil Joe Biden u lil Kamala Harris (li mistennija tkun il-Viċi-President tal-Istati Uniti).

Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina – tnejn mill-akbar potenzi tad-dinja – huma kruċjali għaż-żewġ pajjiżi kif ukoll għall-bqija tad-dinja. Madankollu, l-aħħar snin kienu karatterizzati b’tensjoni kbira bejn Washington u Beijing, fost il-konfronti dwar il-kummerċ, is-settur tal-ispjunaġġ u l-pandemija tal-Covid-19.

Intant, ir-Russja baqgħet ma bagħtitx messaġġ ta’ kongratulazzjoni lil Joe Biden li, f’Jannar, mistenni jieħu l-ġurament bħala s-46 President tal-Istati Uniti.