Internazzjonali

Il-Covid-19 fl-Ewropa: Twissija dwar il-pjani għall-Milied li ‘mhux se jkun bħal tas-snin preċedenti’

Numru ta’ pajjiżi Ewropej wissew li għadu kmieni wisq għan-nies biex jippjanaw għall-vjaġġi barra pajjiżhom matul il-btajjel tal-Milied.

It-twissija ħarġet meta qed ifeġġu dejjem aktar infezzjonijiet tal-coronavirus madwar il-kontinent, bl-awtoritajiet tal-Istati rispettivi ma jeskludux aktar restrizzjonijiet ħorox fil-ġimgħat li ġejjin, f’każ li l-pandemija żżomm dawn il-livelli allarmanti.

L-Iżvezja hi fost l-ewwel pajjiżi li wissiet liċ-ċittadini biex jippreparaw għar-restrizzjonijiet ‘potenzjali’ għall-ivvjaġġar matul il-btajjel tal-Milied.

Dan waqt li l-awtoritajiet fi Franza u r-Repubblika Irlandiża qalu li għadu kmieni wisq biex jikkonfermaw jekk in-nies jistgħux jippjanaw għall-vjaġġi fil-ġimgħat li ġejjin.

Meta jonqos biss sitt ġimgħat għall-istaġun tal-festi, il-lockdowns u miżuri oħrajn għadhom qed ikunu implimentati minn diversi Stati Ewropej.

Il-Portugall qed iżid il-curfew ta’ bil-lejl għal numru sinifikanti ta’ zoni u meta min-nhar it-Tnejn, mal-75 fil-mija ta’ dan il-pajjiż se jkun taħt l-aktar restrizzjonijiet stretti li jista’ jimponi l-Gvern.

Fl-Iżvezja, l-epidemjoloġista ewlieni tal-Istat, Anders Tegnell qal li ċ-ċittadini jridu jippreparaw għall-possibbiltà ta’ ivvjaġġar limitat bejn iz-zoni differenti matul il-perjodu tal-Milied. Dan għandu jsir bil-għan li s-servizzi tas-saħħa ma ‘jegħrqux’ taħt il-piż tal-infezzjonijiet bil-Covid-19.

L-Iżvezja, nhar il-Ħamis, ħabbret 40 mewta ġdida mill-coronavirus għal ġurnata waħda, b’din tkun l-ogħla ċifra ta’ imwiet (relatati mal-Covid-19) fil-pajjiż f’perjodu ta’ 24 siegħa għal dawn l-aħħar ħames xhur.

Fi żviluppi oħra, il-Viċi-Prim Ministru Irlandiż, Leo Varadkar, qal li, għalissa, ‘ma jagħtix parir’ liċ-ċittadini Irlandiżi li qegħdin jgħixu barra biex jibbukkjaw it-titjiriet lura d-dar għall-Milied. Hu spjega li għadu kmieni wisq għal direttiva bħal din minħabba s-sitwazzjoni.

Anki l-Prim Ministru Franċiż, Jean Castex, qal li għadu kmieni wisq biex jgħid jekk iċ-ċittadini ta’ Franza jistgħux jixtru l-biljetti tal-ferrovija biex jivvjaġġaw lejn id-destinazzjonijiet li jixtiequ matul il-Milied.

Franza, bħalissa, qed timplimenta lockdown riġidu fejn in-nies jistgħu joħorġu biss minn djarhom biex imorru għax-xogħol u jixtru l-affarijiet essenzjali. Il-ħwienet meqjusin bħala ‘mhux essenzjali’, ir-ristoranti u l-bars huma kollha magħluqin, iżda l-iskejjel tal-pajjiż baqgħu miftuħin.

Intant, Jean Castex qal li xi ħwienet fil-pajjiż jistgħu jkunu permessi li jiftħu mill-ġdid  mill-1 ta’ Diċembru – iżda dan jiddependi mill-ammont tal-infezzjonijiet li jkunu rappurtati sa dak iż-żmien. Huwa ċert, intant, li r-ristoranti u l-bars fi Franza għandhom jibqgħu magħluqin. Franza bħalissa għandha ‘il fuq minn 1.9 miljun infezzjoni konfermati tal-Covid-19.

Il-parti kbira tal-bnadi fl-Italja jinsabu taħt lockdown, iżda żdiedu s-sejħiet għal aktar miżuri stretti fil-ġimgħat li ġejjin. Dan waqt li l-ammonti tal-infezzjonijiet komplew jiżdiedu madwar il-pajjiż fl-aħħar jiem. L-Italja rappurtat 636 mewta oħra għall-jum tal-Ħamis, bil-Ministru għall-Affarijiet Reġjonali, Francesco Boccia, jgħid li n-nies għandhom jiċċelebraw il-Milied ‘biss’ ma’ qrabathom.