Għawdex Kummerċ Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’aktar laqgħat mal-Għawdxin

Waqt ġurnata twila ta’ laqgħat f’Għawdex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ltaqa’ ma’ ħaddiema minn oqsma differenti, kif ukoll ma’ NGOs u rappreżentanti tagħhom, ma’ sindki u kunsilliera w anke ma’ membri tal-Kumitati Sezzjonali tal-Partit.

“Qeghdin hawn biex nisimghu u biex nifhmu kif nistgħu insostnu lil Għawdex u lill-Għawdxin”, qal Grech waqt laqgħa mar-rappreżentati tal-NGOs, fejn stqarr li minkejja s-suċċessi fl-ekonomija, ir-realtajiet tal-ħaddiem jibqgħu dawk li huma. Hu ghalhekk li l-Partit Nazzjonalista jrid ifassal pjan li ma jħalli l-ebda Għawdxi jew Għawdxija barra, u l-ebda settur minsi.

Fost l-isifidi li għadhom jiffaċċjaw l-Għawdxin, hemm l-iskariġġ tal-ħafna li jridu jaqsmu ta’ kuljum lejn Malta.

Minn naħa tiegħu il-President tal-Assoċjazzjoni tal-NGOs Saviour Grech  tkellem dwar  l-importanza ta’ djalogu socjali, u li l-Għawdxin ikollhom level playing field. Il-membri tal-assoċjazzjoni qalu li l-idea li l-Għawdxin huma favur il-mina hija illużjoni, u li din mhux se tkun qed taqdi lill-Għawdxin.

L-ghaqdiet Ghawdxin insistew li sistema li taħdem tajjeb ghalihom tkun il-metrò.

Apparti dan, huma tkellmu wkoll dwar il-bzonn ta’ Fast Ferry mill-aktar fis possibbli.

Il-Kap tal-PN flimkien ma’ delegazzjon Għawdxija magħmula mid-deputati Chris Said, Kevin Cutajar u Joe Ellis żaru wkoll Dar l-Arka u r-residenti tagħha, fejn ġie spjegat lilhom kif fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jibdew xogholijiet ta’ tisbiħ

Grech żar ukoll il-lokalitajiet ta’ Kerċem u San Lawrenz fejn iltaqa’ mas-sindki Mario Azzopardi u Noel Formosa kif ukoll ma’ kunsilliera, fejn ġew diskussi proġetti importanti li qed isiru fil-lokalitajiet.

Aktar tard filgħaxija huwa ltaqa mal-Kumitat Reġjonali tal-PN u l-Kumitati Sezzjonali kollha tal-gżira Għawdxija, fejn Bernard Grech reġa’ tenna kemm Għawdex għandu post speċjali fil-qalb tal-Partit Nazzjonalista.

Ikkummenta