Lokali Saħħa

Il-UĦM tingħata raġun minn Steward dwar il-ħlas tas-sick leave

Impjegati tal-Gvern li jaħdmu fl-Isptar San Luqa u fl-Isptar Karin Grech, li huma mmexxija minn Steward Health Care, mhux se jibqa’ jitnaqqsilhom il-ħlas tas-sick leave grazzi għall-intervent tal-UĦM Voice of the Workers.

Fi stqarrija, il-Union fakkret kif taħt din il-prattika, li tmur kontra l-Liġi tax-Xogħol, kull meta impjegati jkunu fuq sick leave għal erbat ijiem jew aktar, kienu qed jitħallsu biss għall-ewwel tlett ijiem. Dan kien wassal għal twissija mill-UĦM Voice of the Workers lit-tmexxija ta’ Steward, li jekk ma kinitx se twaqqaf dan l-aġir illegali, kienet lesta tieħu passi ulterjuri.

L-Union kienet ġiet informata dwar dan l-abbuż wara li xi ħaddiema li kienu morda għal aktar minn tlett ijiem kienu sabu nota fil-payslip li tgħid li l-benefiċċju tal-mard tnaqqas. Dan minkejja li skont il-Liġi, il-Ħaddiema tal-Gvern jirċievu l-ħlas tas-sick leave direttament mingħand min iħaddimhom u huma eliġibbli għal mill-anqas 30 jum sick leave fis-sena.

Għall-ewwel, it-tmexxija ta’ Steward kienet ċaħdet li qed jittieħdu xi flus imnaqqsa tas-sick leave, tant li heddet li kienet lesta tieħu passi legali kontra l-UĦM. Madankollu, il-Union ikkonfermat li Steward iddeċidiet li twaqqaf din il-prassi.

Fil-fatt, Steward ordnat biex Ħaddiema tal-Gvern jibdew jitħallsu tas-sick leave kollu, anke jekk jinqabżu t-tlett ijiem, kif kien intalab mill-Union.