Futbol Sport

Illejla fid-9:30pm fuq Net Television | Replay Preview b’ħarsa dettaljata dwar l-impenji ta’ Malta

It-tim nazzjonali Malti se jkun fiċ-ċentru ta’ diskussjoni tal-programm Replay Preview li se jixxandar llejla, il-Ġimgħa filgħaxika, fid-9:30pm fuq Net Television. Nhar l-Erbgħa li għadda, Malta kisbet riżultat ieħor pożittiv meta f’konfront ta’ ħbiberija kontra Liechtenstein, il-plejers taħt it-tmexxija tal-kowċ Taljan Devis Mangia, kiseb rebħa ta’ 3-0.

Bil-parteċipazzjoni tal-mistieden residenti ta’ Replay, Konrad Sultana, f’Replay Preview tal-lejla, se tkun qed issir analiżi dwar il-prestazzjoni tal-Maltin u ħarsa lejn il-partita li t-tim nazzjonali ta’ pajjiżna jmissu jilgħab, għada s-Sibt, fit-3pm kontra Andorra fl-iStadium Nazzjonali f’Ta’Qali. Fil-programm tal-lejla se nkunu qed insegwu l-kummenti li ta l-kowċ nazzjonali wara l-partita ta’ kontra Liechtenstein, kif ukoll il-kummenti li se jkun qed jagħti llum, hekk kif aktar kmieni llum wara nofs in-nhar, Mangia se jkun qed jindirizza konferenza stampa oħra, lejliet il-konfront ta’ kontra Andorra.

Bi produzzjoni u presentazzjoni ta’ Christian Micallef, f’Replay Preview tal-lum se nsegwu l-aqwa siltiet mill-partita li se tintlagħab illum bejn it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena u dak tal-Ukrajna, tal-istess kategorija, liema partita hija valida mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej 2021.

Lilhinn mit-timijiet nazzjonali Maltin, f’Replay Preview tal-lum se jkun hemm ukoll servizzi speċjali li se jkunu qed jagħtu ħarsa lejn il-partiti li għadna matul din it-tmiem il-ġimgħa, mill-Kampjonat Premier, National Challenge League kif ukoll mill-futbol f’Għawdxi.

Il-programmi Replay ta’ din l-iskeda, qed jagħtu aktar ħin u spazju lill-kampjonati l-oħra tal-MFA u l-futbol f’Għawdex, partikolarment fil-programmi Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija u Replay Live Score li jixxandar nhar ta’ Ħadd, fis-6:45pm fuq Net Television. Kull ġimgħa, Replay u Net Television qed ixandru 220 minuta ta’ produzzjonijiet televiżivi dwar il-futbol Malti, li mingħajr ebda dubju jagħmlu l-aktar stazzjon f’pajjiżna li qed jalloka ħin ta’ xandir għall-futbol domestiku. Dan l-impenn jagħmel lill-programmi Replay, l-aktar marka ta’ programmi sportivi lokali f’Malta, mhux illum, iżda għal dawn l-aħħar snin.