Internazzjonali

Imut l-agħar serial killer fir-Renju Unit: Il-‘Yorkshire Ripper’ jisfa vittma tal-coronavirus

L-aktar serial killer infami tal-Ingilterra miet il-ħabs fl-età ta’ 74 sena u fost rapporti li hu ‘baqa’ sal-aħħar jirrifjuta’ trattament għall-Covid-19 filwaqt li kien qed ibati bi problemi oħra tas-saħħa.

Il-qattiel, Peter Sutcliffe – magħruf fl-Ingilterra u madwar id-dinja bħala ‘The Yorkshire Ripper’ – kien wettaq renju ta’ terrur f’Yorkshire, li hu l-akbar county tal-Ingilterra u fejn – bejn l-1975 u l-1980 – kien qatel 13-il mara minbarra li aggredixxa numru ta’ nisa li salvaw bi ħniena minn taħt idejh.

Filwaqt li l-parti kbira tal-vittmi tar-Ripper tilfu ħajjithom fl-inħawi ta’ Leeds,  Sutcliffe – residenti ta’ Bradford u li kien impjegat bħala sewwieq ta’ trakk — irnexxielu joqtol in-nisa anki  fiz-zoni ta’ Manchester, Bradford, Huddersfield u Halifax. L-ewwel qtil ta’ Sutcliffe kien seħħ f’Ottubru tal-1975 bl-aħħar vittma tiegħu tkun ikkonfermata f’Novembru tal-1980.

Dan is-serial killer, fl-1981, weħel il-ħabs għal għomru għar-reati brutali u premeditati li terrorizzaw lil Yorkshire. Peter Sutcliffe kien instab ħati wkoll b’seba’ attentati ta’ qtil fuq in-nisa. Hu kien dam 30 sena miżmum fl-Isptar ta’ Broadmoor qabel spiċċa trasferit – kontra qalbu – lejn il-kumpless tal-ħabs ta’ Frankland, f’County Durham, fl-2016.

Fis-snin kollha li kienu qed isiru l-omiċidji, Peter Sutcliffe spiċċa interrogat xejn anqas minn disa’ drabi mill-pulizija li mexxew l-investigazzjoni. Madankollu hu baqa’ ma nżammx taħt arrest u bir-riżultat li seta’ ikompli bir-renju ta’ terrur għal diversi snin.

Peter Sutcliffe ingħata l-laqam Yorkshire Ripper – li hu speċi ta’ paragun mas-serial killer leġġendarju Jack the Ripper (li baqa’ ma nqabadx) – għaliex kien juża varjetà ta’ oġġetti, fosthom imrietel, skieken u anki turnvit biex ibiċċer lill-vittmi tiegħu.

Meta kien interrogat wara l-arrest, Sutcliffe – li l-vittmi tiegħu jinkludu numru ta’ prostituti – qal li kien qed jaqdi ‘missjoni divina’ biex jeħles lid-dinja mill-prostituti. Iżda hu fatt li l-vittmi kienu jinkludu nisa li ma kellhomx x’jaqsmu xejn ma’ din il-professjoni, bl-iżgħar vittma jkollha biss 16-il sena.

Kienet biss b’xorti tajba li Peter Sutcliffe spiċċa arrestat f’Jannar tal-1981 u fejn wara ħarġet il-verità xokkanti dwaru. Dan meta l-pulizija kienu waqqfu l-karozza tal-qattiel fil-belt ta’ Sheffield wara li ndunaw li l-vettura kellha l-pjanċi tar-reġistrazzjoni foloz.

Il-‘Yorkshire Ripper’ baqa’ ma esprima qatt rimors għall-aġir terribbli tiegħu tul is-snin.