Lokali

In-nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-Gvern fl-infrastruttura qed timmina lir-residenti u l-Kunsilli Lokali – PN

Kif l-Oppożizzjoni aċċennat diversi drabi, dan il-gvern speċjalment, fejn tidħol l-infrastruttura, mhux jikkonsulta ma’ dawk kollha koncernati u m’huwiex jikkonsidra l-ilmenti u s-suġġerimenti tar-residenti.

Dan sostnuh Toni Bezzina, Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali kif ukoll Karl Gouder, Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Gvern Lokali u l-Komunitajiet fejn saħqu li rapporti fuq il-midja l-Ġimgħa kkonfermaw li għadd ta’ Kunsilli Lokali ma ġewx kkonsultati meta kienu se jinbdew xogħolijiet fil-lokalitijiet rispettivi tagħhom.

Ġie spjegat li huwa essenzjali li dawn ikunu nfurmati għaliex ikollhom bżonn jinfurmaw lir-residenti u lil dawk li jagħmlu użu mill-inħawi sabiex jużaw rotot alternattivi. Lil hinn minn hekk, il-Kunsilli Lokali għandhom għarfien ferm aktar profond tad-dinamika tal-lokalità u għaldaqstant ikunu jafu jfasslu l-proġetti b’mod aktar għaqli.

Il-gvern qed jieħu d-drawwa li xogħolu jagħmlu b’arroganza liema bħalha. Sabiex ix-xogħol li jsir jkun tal-ogħla livell u b’ammont minimu ta’ inkonvenjent, il-proġett għandu jkollu s-sisien tiegħu fil-konsultazzjoni ma’ dawk kollu milquta.