Sport Waterpolo

L-aħwa Busuttil u Zach Micallef jingħaqdu ma’ Marsaxlokk ASC b’self

Sebastian Busuttil (xellug), Zach Micallef (lemin fuq) u Benji Busuttil (lemin isfel)

Wara li fl-istaġun tas-sajf li għadda naqsu li jerġgħu jilagħbu fil-Kampjonat Premier, Marsaxlokk Brown’s Pharma ħabbru l-akkwist ta’ Sebastian Busuttil, Benji Busuttil u Zach Micallef filwaqt li Joseph Galea, Matteo Martellacci u Kyle Cremona ffirmaw kuntratti ġodda mal-klabb.

L-aħwa Busuttil ngħaqdu mat-tim ta’ Joe Cremona b’self mingħand Neptunes filwaqt li Micallef ngħaqad ukoll b’self iżda mingħand San Ġiljan. It-tliet plejers se jkunu qed ifittxu li jilagħbu aktar b’mod regolari.

Sebastian Busuttil li għandu 18-il sena kien utilizzat minn Jovan Popovic u f’dan is-sajf irnexxielu jsib ix-xibka seba’ darbiet. Il-gowlkiper Benji Busuttil kien ir-riserva ta’ Alan Borg Cole filwaqt li Zach Micallef ftit sab spazju mit-tim ewlieni ta’ San Ġiljan li rebaħ il-kampjonat u n-knock-out.

Joseph Galea ffirma kuntratt ta’ ħames snin filwaqt li Matteo Martellacci u Kyle Cremona ffirmaw kuntratt ta’ erba’ snin. Galea li hu prodott ta’ San Ġiljan, lagħab mal-Ġiljaniżi fil-Kampjonat tas-Sajf tal-2016 u l-2017 qabel fl-2018 beda jilgħab ma’ Marsaxlokk. Martellacci, prodott ta’ Neptunes, lagħab max-Xlukkajri fl-aħħar żewġ staġuni filwaqt li Kyle Cremona beda jkun utilizzat aktar din is-sena.