Kunsilli Lokali Lokali

Luttu f’Ħal Qormi wara l-mewt tas-Sindku Renald Falzon

Luttu f’Ħal Qormi, hekk kif tħabbret il-mewt ta’ Renald Falzon, is-Sindku ta’ Ħal Qormi, li kien ilu għal dan l-aħħar xahar fl-Isptar jiġġieled il-Coronavirus.

Fil-fatt, Renald Falzon hu l-iżgħar vittma tal-Covid-19 f’Malta, fl-età ta’ 46 sena. Barra minhekk, ftit tal-jiem ilu, is-Sindku tilef lil missieru, ukoll kawża tal-virus.

Il-mewt ta’ Renald Falzon, li hi t-93 waħda kawża tal-Coronavirus f’pajjiżna, s’issa għadha ma tħabbritx mill-Ministeru tas-Saħħa. Hu kien deskritt minn ħafna bħala ħabib tal-Qriema – u ragel li t-tbissima tieghu kienet karatteristika li tibqa’ f’mohh kulhadd.

Falzon kien elett Sindku ta’ Ħal Qormi fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli.

Il-post fuq Facebook tal-Kunsill ta’ Ħal Qormi

Kienu bosta l-Kunsillieri Lokali, inkluż dawk tal-Partit Nazzjonalista f’din il-lokalità, li faħħru l-impenn tas-Sindku bhala wiehed li ma kienx iħares lejn kuluri. Barra minhekk, għadd ta’ għaqdiet lokali wkoll faħħru l-impenn ta’ Renald Falzon, anke fiż-żmien meta kien qed jiffaċċja sfidi f’saħħtu.

Anke l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, fuq Facebook, qalet li Renald Falzon ta kontribut kbir għal Ħal Qormi u għall-Qriema, kemm bħala Sindku kif ukoll bħala Kunsillier Lokali.

U fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista wkoll sellem il-memorja ta’ Renald Falzon, filwaqt li wassal il-kondoljanzi lill-familja tiegħu.