Futbol Sport

Malta f’partita diffiċli kontra l-Ukranja

(Ritratt: Joe Borg/MFA)

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena llejla se jkun impenjat fil-konfront ta’ qabel tal-aħħar, kontra l-Ukranja mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni ta’ Grupp 8 għall-Kampjonati Ewropej. Fl-ewwel konfront bejn iż-żewġ timijiet, l-Ukranja kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-0. Għal Malta se jkunu qed jirritornaw numru ta’ plejers mill-aħħar partita li t-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 lagħab.


F’konferenza tal-aħbarijiet lejliet il-partita mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni fi Grupp 8 tal-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-21 sena, il-kowċ Silvio Vella stqarr li dan il-konfront se jkun diffiċli ferm għall-Maltin minkejja li l-Ukranja m’għandhomx ċans li jispiċċaw mal-ewwel żewġ timijiet fil-grupp. Vella qal li l-plejers li se jkunu qed jutilizzaw l-Ukranja fil-partita ta’ għada huma tajibin daqs dawk li għandhom aktar esperjenza, minħabba li l-istess grupp ta’ plejers rebaħ it-Tazza tad-Dinja ta’ taħt l-20 sena tas-sena li għaddiet.

Vella qal ukoll fejn minkejja d-diffikultajiet li t-tim Malti affaċċja matul ix-xahar li għadda minħabba l-problemi tal-coronavirus, hu kien ottimst għaliex numru ta’ plejers ġodda ngħataw l-opportunità li jilgħabu mat-tim nazzjonali Malti b’uħud minnhom tkun ukoll l-ewwel esperjenza tagħhom. Malta tinsab fl-aħħar post ta’ dan il-grupp b’punt wieħed biss filwaqt li l-Ukranja tinsab fit-tielet post b’10 punti.