Coronavirus Lokali

Mons George Frendo trasferit għal Sptar f’Bari

L-Arċisqof Malti fl-Albanija George Frendo bħalissa qed jingħata l-kura fl-Isptar Miulli ta’ Bari, l-għada li ddaħħal fi Sptar fl-Albanija wara li rriżulta pozittiv għall-Coronavirus.

Il-Monsinjur Frendo rriżultawlu kumplikazzjonijiet fin-nifs kawża tal-virus u għalhekk kellu jittieħed fl-Isptar Albaniż. Madankollu, NET News jinsab infurmat li, fis-sigħat li għaddew, hu ġie trasferit għall-Isptar f’Bari.

Fl-età ta’ 74 sena, il-Monsinjur Frendo jservi wkoll bħala l-President tal-Konferenza Episkopali tal-Isqfijiet Albaniżi. Id-daħla tiegħu fl-Isptar fl-Albanija tħabbar ilbieraħ stess mill-Kurja f’Tirana, wara rakkomandazzjoni mit-Tobba tiegħu, jiem wara li rriżulta pożittiv għall-Covid-19.

Madankollu, NET News jinsab infurmat li s-Santa Sede talbet li l-Kap tal-Knisja Albaniża jkun trasferit għal Bari minħabba li nnutat limitazzjonijiet fl-Albanija fis-servizzi tas-Saħħa. Kien għalhekk li Monsinjur Frendo kien trasferit lejn l-Isptar Taljan li jiġbor fih pazjenti pożittivi għall-Coronavirus.

Fl-aħħar jiem, il-virus għolla rasu sew fl-Albanija tant li, matul Novembru, hu stmat li l-każi attivi qabżu t-12,700.