Lokali Qorti

Raġel mixli li kellu 1.3 kilo kokaina fil-karozza u aktar fid-dar jinżamm arrestat

Raġel li allegatament instabulu madwar 1.3 kilo kokaina fil-karozza tiegħu u aktar droga fid-dar tiegħu, inżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia.

Renald Attard ta’ 36 sena residenti Ħal Luqa kien qed isuq fil-lokalità tiegħu, u li miegħu kien riekeb passiġġier, nhar l-Erbgħa twaqqaf mill-Pulizija li kienet qed taġixxi fuq informazzjoni kunfidenzjali.

Wara tfittxija fil-vettura tiegħu nstabu madwar 1.3 kilo kokaina. Wara li l-uffiċjali marru fid-dar tas-suspettat, sabu aktar drogi, li wħud minnhom kienu f’barbeque barra fil-gallarija.

Il-Pulizija qalet li b’kollox, id-drogi kellhom valur tat-triq ta’ madwar €90,000. Ir-raġel ġie arrestat u akkużat b’pussess ta’ kokaina taħt ċirkostanzi li jindikaw li d-droga ma kinitx għall-użu personali tiegħu, pussess ta’ raża tal-kannabis kif ukoll ksur tal-libertà proviżorja.

Huwa ġie akkużat ukoll li sar reċidiv. L-akkużat wieġeb mhux ħati u talab il-ħelsien mill-arrest. Din it-talba sabet oġġezzjoni qawwija mill-Prosekuzzjoni mhux biss fid-dawl tal-gravità tal-akkużi iżda wkoll minħabba l-ammont ta’ droga u l-mod li bih kienu moħbija fid-dar tal-akkużat fejn kienu jgħixu wkoll it-tfal tiegħu.

Barra minn hekk, ir-rekord kriminali tal-akkużat ma kienx xi wieħed nadif, sostna l-Ispettur Prosekutur Alfredo Mangion, filwaqt li nnota wkoll li xhieda pajżana kienu għad iridu jixhdu.

L-investigazzjoni kienet ukoll fi stadju prematur, qal l-Ispettur. L-Avukat difensur Franco Debono kkontrobatta dawn l-argumenti billi qal li l-Qorti kellha ssib bilanċ bejn id-drittijiet tal-akkużat u r-riskji perċepiti mill-Prosekuzzjoni, waqt li saħaq li dawn il-biżgħat jistgħu jiġu newtralizzati permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja stretti.

Barra minn hekk, il-Qorti kellha tiddetermina jekk ix-xhieda kollha kinux ammissibbli f’termini ta’ liġi, sostna l-Avukat Debono. Wara li semgħet sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet, il-Qorti, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fid-dawl tal-gravità tal-akkużi, il-karattru indixxiplinat tal-akkużat u l-possibbiltà li jiġu mbagħbsa l-provi. L-Avukat Marion Camilleri kienet ukoll avukat difensur.