Internazzjonali

L-elezzjoni fl-Istati Uniti: Uffiċjali jiċħdu l-akkużi ta’ Donald Trump dwar frodi

L-uffiċjali responsabbli mill-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti qalu li l-vot tal-2020 għall-White House kien ‘l-aktar wieħed sikur’ fl-istorja tal-pajjiż. Il-kumment, effettivament, jitqies bħala ċaħda għall-akkużi tal-President Amerikan Donald Trump li qed jgħid li l-elezzjoni kienet karatterizzata bi frodi.

Il-kelliema ta’ kumitat speċjali relatat mal-elezzjoni qalu li ‘mhemm l-ebda provi li kwalunkwe sistema tal-voti warrbet jew tilfet id-dokumenti tal-vot fl-aħħar elezzjoni’. Ingħad ukoll li ma jeżistux il-provi li l-voti nbidlu jew setgħu spiċċaw kompromessi b’xi mod jew ieħor.

Dan ħareġ wara li Donald Trump qal – mingħajr ma ressaq il-provi – li mal-2.7 miljun vot ‘għalih’ kienu ‘eliminati mis-sistema’. Il-President Amerikan, għadu ma ammettiex it-telfa fil-konfront tal-kandidata Demokratiku Joe Biden.

Ir-riżultat tal-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru kien ‘ipproġettat’ bħala rebħa għal Biden min-networks tat-televiżjoni ewlenin fl-Istati Uniti.

L-indikazzjonijiet, issa, huma li Joe Biden rebaħ ukoll fl-Istat ta’ Arizona, fejn kompla jkabbar il-vantaġġ – f’termini ta’ voti mill-kulleġġ elettorali – għal 290 u meta Donald Trump għandu biss 217. Din hi l-ewwel darba, mill-1996, li l-Istat ta’ Arizona ta rebħa lid-Demokratiċi f’elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Il-President Trump, intant, ressaq numru ta’ sfidi legali f’diversi Stati ewlenin fost sensiela ta’ allegazzjonijiet —  mhumiex issostanzjati – dwar manipulazzjoni elettorali ‘mifruxa’ madwar il-pajjiż.

U filwaqt li Trump ma jidhirx li se jbaxxi rasu għar-riżultat, grupp ta’ aktar minn 150 eks uffiċjal tas-sigurtà wissa li ‘sitwazzjoni li titfa’ lura t-tranżizzjoni tal-poter għandha timponi sogru serju għas-sigurtà nazzjonali’.

Dan il-grupp, permezz ta’ ittra, ħeġġeġ biex il-General Services Administration – l-aġenzija tal-gvern inkarigata mill-bidu tal-proċess tat-tranżizzjoni – tirrikonoxxi uffiċjalment lil Joe Biden u lil Kamala Harris, li għandha tilħaq Viċi-President tal-Istati Uniti, biex ikunu jistgħu jindirizzaw ‘numru ta’ issues urġenti konnessi mas-sigurtà’.

Sadanittant, l-istqarrija mingħand l-uffiċjali bir-rabtiet mal-elezzjoni qed titqies bħala l-akbar ċaħda – min-naħa tal-uffiċjali federali u tal-Istat – tal-akkużi ta’ Trump rigward l-allegata frodi elettorali.