Lokali Qorti

Żewġt aħwa mill-erba’ persuni arrestati f’Bormla fuq droga jinżammu l-ħabs

Rennie u ħuh Jean Claude Fava minn Bormla inżammu arrestati anke jekk fil-Qorti wieġbu mhux ħatja li ttraffikaw id-droga. Allegaatament huma nqabdu mill-Pulizija b’ammont ta’ droga lesta sabiex tiġi traffikata.

Dawn kienu tnejn mill-erba’ persuni li ġew arrestati f’ħidma oħra mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. L-arrestati lkoll żgħażagħ għandhom bejn l-20 u s-26 sena, u waħda minnhom hija tas-sess femminili.

L-Ispettur Mark Anthony Mercieca li ressaq lill-aħwa quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia spjega li matul il-ġurnata tal-Ħamis li għadda, il-Pulizija eżegwixxiet mandat t’arrest u tfittxija fuq Rennie Fava.

L-aħwa kienu arrestati flimkien ma’ tfajla u ġuvni għall-ħabta tal-
11,00am. Dan meta l-Pulizija daħlu f’residenza, Bormla. Hemmhekk mill-ewwel arrestaw lil persuni u waqt tfittxija sabu sustanzi aktarx droga sintetika, ħaxixa tal-kannabis, eroina u oġġetti relatati mal-użu tad-droga.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin L-Ispettur Merceica spjega wkoll fil-Qorti li minn sorveljanza li saret, diversi persuni dehru jiffrekwentaw ir-residenza tal-imputati fi Triq il-Mitħna f’Bormla.

Qal li Jean Claude Fava deher dieħel u ħiereġ jagħti pakketti żgħar lil xi persuni quddiem ir-residenza. Hekk kif il-Pulizija marret biex tarresta, l-erba’ persuni, l-aħwa dehru jarmu xi flus u droga minn tieqa ġewwa l-istess residenza għal ġewwa bitħa.

Fid-dar, il-Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga sabu wkoll diversi pakketti kbar ta’ droga eroina u kokaina fejn dawn instabu lesti biex jiġu ppakjati fi qratas fuq miżien diġitali. Il-Qorti ma laqgħetx it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest u hekk kif spiċċat is-seduta ġew eskortati lejn il-ħabs.