Coronavirus Lokali Saħħa

121 każ ġdid ta’ Covid-19 – ifiqu 122

Jissokta l-piż fuq il-professjonisti mediċi hekk kif il-paġna ta’ Facebook tas-Saħħa ħabbret li nstabu 121 każ ġdid pożittiv ta’ Covid-19, u fiequ mill-imxija 122 persuna.

Il-każijiet attivi sa issa huma 2,126, it-total ta’ persuni li fiequ huwa 5,702 filwaqt li t-total ta’ każijiet minn Marzu ‘l hawn huwa dak ta’ 8,134.

L-imxija ħalliet 95 vittma filwaqt li fl-aħħar ġimgħa rajna 21 fatalità. 

Mill-150 każ irrappurtati l-Ġimgħa, hemm 111-il każ li għadu mhux magħruf minn fejn ħadu l-virus. Intant, mill-bqija tal-każi 25 li huma qraba ta’ każi pożittivi, 9 li huma kollegi ta’ każi pożittivi u 5 li huma individwi li kellhom kuntatt dirett ma’ każi pożittivi.

Dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-imxija f’pajjiżna kienu numru ta’ tobba u professjonisti li appellaw lill-Gvern biex ipoġġi l-ewwel bħala prijorità saħħet il-poplu. Waqt programm fuq stazzjon lokali, tkellem il-Professur Albert Fenech fejn appella lill-Gvern biex jieħu ħsieb tassew is-sitwazzjoni preżenti.

“It-tobba u l-assoċjazzjonijiet qed itambru biex il-Gvern jieħu ħsieb is-sitwazzjoni… u dan mhu jieħu ħsieb xejn… Qed jagħti impressjoni ħażina ħafna… jorganizza festi għall-Milied… l-akbar ħaġa arroganti li teżżiżti”.

“Kull membru tal-Kabinett għandu jmur jaħdem l-ITU u l-IDU biex jifhem tassew is-sitwazzjoni”

Il-Ġimgħa l-Professur Gauci ħabbret li preżentament hemm ‘il fuq minn 200 persuna li qed jingħataw kura għall-Covid-19 fl-Isptarijiet, bis-sitwazzjoni tkompli titfa’ aktar piż fuq is-settur tas-saħħa.