Internazzjonali

Brexit: ‘Żmien deċiżiv’ għall-UE u r-Renju Unit

It-taħditiet kummerċjali ta’ wara Brexit bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għadhom jiffaċċjaw l-intoppi, meta riesaq iż-żmien deċiżiv li jiddeċiedi x’relazzjoni kummerċjali se jkun hemm, bejniethom, fil-futur.

L-indikazzjonijiet kienu li għad fadal differenzi konkreti li diffiċli biex wieħed isolvihom għas-sodisfazzjon taż-żewġ naħat. Dan waqt li s-sorsi qrib it-taħditiet qalu li, fl-aħħar jiem, kien hemm anqas progress fid-djalogu dwar xi punti ta’ diżgwid u meta qed javviċina ‘il-mument tal-verità għal Londra u Brussell’.

Il-kelliema Britanniċi qalu li d-differenzi mal-UE huma ‘sostanzjali’ waqt li żdied id-dubju li n-naħat kapaċi jaslu għal abbozz ta’ ftehim fil-jiem li ġejjin.

Għaldaqstant, qed tkompli l-ġlieda mal-ħin meta l-UE u r-Renju Unit jeħtieġu jikkonkludu l-partnership ekonomiku għall-futur, fiż-żmien opportun biex dan isir validu mill-Ewwel ta’ Jannar – id-data meta l-Britanniċi jitilqu uffiċjalment mis-suq ewlieni u l-unjoni doganali tal-UE.