Coronavirus Lokali

“Ħtieġa li l-Gvern jinforza l-liġijiet tal-COVID-19” – MCFD

“Hemm bżonn li l-Gvern jieħu s-sitwazzjoni tal-COVID-19 iktar bis-serjetà billi jinforza l-liġijiet relatati mal-miżuri hekk kif pajjiżna qed ikompli jara numri għoljin ta’ każijiet pożittivi.”

Kienet din l-istqarrija iebsa maħruġa mill-Organizzazzjoni tat-Tobba tal-Familja hekk kif qed jinnotaw għadd kbir ta’ persuni li mhumiex jimxu mal-miżuri meħuda mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, fosthom li ma jintlibsux il-maskri u ma tinżammx id-distanza soċjali f’postijiet pubbliċi.

L-Organizzazzjoni qed tgħid li l-awtoritajiet konċernati għandhom jitgħallmu mill-iżbalji li saru matul is-sajf, jiġifieri meta nies minn barra ġew f’pajjiżna u xerdu l-virus madwar pajjiżna mingħajr obbligazzjoni li jsir test u meta tħallew isiru avvenimenti tal-massa.

Barra dan, l-Organizzazzjoni qed tħeġġeġ biex issir kampanja ta’ edukazzjoni għall-anzjani ta’ kif u għalfejn għandhom joqgħodu iżjed attenti meta joħorġu fil-pubbliku. Dan filwaqt li tħeġġeġ biex ħadd ma jagħmel festini fi djar privati hekk kif ikun qed jiżdied ir-riskju.

Huma qalu li hemm l-ħtieġa li s-soċjetà timxi id f’id b’dixxiplina assoluta biex pajjiżna joħroġ minn din il-pandemija bl-inqas riperkussjonijiet possibli. Dan hekk kif qed titlob li l-frontliners għandhom ikollhom il-protezzjoni kollha meħtieġa biex ma jkunux f’riskju meta qed jagħtu servizz lis-soċjetà.

Dan fid-dawl li pajjiżna diġà qed jesperjenza nuqqas ta’ frontliners, u b ‘hekk ma jistax ikun li nitilfu iktar persuni li jkollhom joqgħodu fi kwarantina.