Futbol Sport

Indawru telfa f’rebħa, f’wirja oħra mill-aqwa tal-Maltin

Ritratt ta' Domenic Aquilina

Meta r-referee Slovakk saffar tmiem il-partita kontra Andorra fl-iStadium Nazzjonali, ħassejtni daqs li kieku kont tfajjel żgħir meta kont nara lit-tim favorit tiegħi jirbaħ minn fuq it-televiżjoni. Konvint li l-istess emozzjoni, inħasset minn kull Malti ġenwin li jieħu gost jara lit-tim nazzjonali tal-futbol jirbaħ u mhux jistenna riżultat negattiv, biex isawwat lit-tim b’kliem li żżeblaħ lill-iskwadra Maltija fuq il-media soċjali.

Malta b’sistema ta’ 3-4-2-1

Kontra Andorra erġajna erbħna u bi stil! Komplejna nikbru fil-logħob tagħna u l-plejers għarfu ma jirrepetux l-iżbalji li konna għamilna xahar ilu kontra l-istess avversarji, f’Andorra la Vella. B’Devis Mangia jiskonta sospensjoni ta’ partita waħda, u segwa l-partita mill-VIP stand, l-iskwadra inizjali tal-Maltin kienet kollha mibdula minn dik ta’ kontra Liechtenstein. Assenti ukoll fid-difiża Maltija kien hemm l-iskorer fir-rebħa ta’ kontra l-Latvja, Steve Borg kif ukoll Zach Muscat. Kien għalhekk li b’sistema ta’ 3-4-2-1, Mangia għażel li ċentrali ma’ Andrei Agius, jafda lil Kurt Shaw u Karl Micallef ta’ Sliema Wanderers u Ħamrun Spartans rispettivament.

Ċentrali f’nofs il-grawnd bdew il-partita Teddy Theuma u Matthew Guillaumier, biż-żewġ plejers maż-żewġ ġnub ikunu Ryan Camenzuli u Joseph Mbong. Fuq quddiem, l-attakkant prinċipali kien Luke Montebello, b’Jurgen Degabriele u Luke Gambin jassistuħ warajħ.

Ritratt ta’ Domenic Aquilina

Bidu iebes għall-Maltin

Iżda bħal kull rakkont ta’ li jkollha tmiem sabiħ, ikun hem mil-mumenti diffiċli u Malta kellha tħabbat wiċċha ma’ bidu mhux previst. Lanqas laħqu għaddew tliet minuti logħob mis-suffara inizjali tar-referee u l-Maltin ħadna doċċa kiesħa li ma konnix qed nistennew. Joan Cervós jagħti free-kick ftit ‘il barra mill-kaxxa ‘l kbira, id-difiża Maltija dehret mifxula, il-ballun jiġi f’saqajn MARC REBES li kkonkluda fil-baxx, u għeleb lil Henry Bonello għal skor ta’ 1-0. Dan kien l-ewwel gowl li soffrejna wara erba’ partiti li fihom qatt ma qlajna gowl, u Andorra sa fl-aħħar irnexxilhom jiskorjaw l-ewwel gowl tagħhom f’din il-kompetizzjoni.

L-espressjonijiet fuq l-uċuħ tal-Maltin preżenti kienet turi biċ-ċar, li din kienet se tkun partita għat-telgħa u kien se jkolna nsoffru biex forsi nirbħu. Iżda jekk fil-passat Malta kienet taqla’ gowl wara ftit u l-partita kienet tispiċċa hemm, din id-darba l-affarijiet seħħew bil-kontra. Il-logħba għall-Maltin kienet għadha se tibda.

Il-Maltin b’reazzjoni pożittiva wara l-gowl

Jgħaddu għaxar minuti logħob, u Malta ħolqot l-ewwel azzjoni perikoluża meta minn fuq ix-xellug tal-lasta avversarja, Joseph Mbong ta lejn l-attakkant Luke Montebello, b’dan tal-aħħar ikkonkluda għoli. Malta kompliet tilgħab l-aħjar u jkollha aktar pusses tal-ballun f’saqajha u meta kienu kważi għaddew nofs siegħa logħob, Teddy Theuma prova konklużżjoni minn barra ‘l kaxxa, il-gowlkiper Josep Gomes kien megħlub iżda x-xutt ħabat mal-minduda u għadda barra.

Il-pressjoni tal-Maltin baqgħet kostanti u fl-34 minuta għal darb’oħra konna viċin li niskorjaw. Kienet azzjoni minn fuq il-lemin tal-lasta avversarja, Ryan Camenzuli avvanza, xeħet kross fil-baxx lejn in-nofs, il-ballun kien imxellef mid-difensur t’Andorra, u minn mal-art Gomes salva parzjalment. Mir-rebound, Luke Gambin daħal tajjeb biex ikkonkluda dirett lejn il-lasta iżda Albert Alavedra kien deċiżiv biex jimblokka dak li setgħa kien il-gowl tad-dro tal-Maltin.

Ritratt ta’ Domenic Aquilina

Fl-ewwel 45 minuta kelna 71 fil-mija tal-pusses

Fit-tmiem tal-ewwel 45 minuta, l-istatistika kollha kienet qe turi li Malta kienet l-aħjar tim fil-grawnd. Dan għaliex kelna 71 fil-mija tal-pusses tal-ballun, erba’ konklużżjonijiet lejn il-lasta, kontra l-uniku wieħed li kellhom l-avversarji, u 81 fil-mija eżżatezza fil-passaġġi tagħna, kontra d-49 fil-mija t’Andorra. Minkejja dan, l-iskor kien kontra tagħna u t-tieni 45 minuta kienet opportunitá għall-plejers tagħna li nagħtu prova tal-potenzjal tagħna, u hekk ġara.

Malta niskorjaw id-dro

Wara ħdax-il minuta mill-ftuħ tal-partita, il-Maltin ninfdu d-difiża avversarja bil-gowl tad-dro, grazzi għall-żball tad-difensur Emili Garcia, li f’tentattiv li jtajjar il-ballun mill-periklu, spiċċa biex xeħet fix-xibka tiegħu stess. M’hemmx dubju li dan kien gowl tad-dro mill-aktar mistħoq għall-Maltin.

It-tieni gowl ta’ Degabriele ma’ Malta

Iżda l-emozzjonijiet ma waqfux hawn. Tliet minuti wara din l-azzjoni, il-Maltin reġgħu marru fuq l-offensiva. Din id-darba kienet azzjoni ta’ Luke Gambin, li minn fuq ix-xellug tal-lasta avversarja, ta kross lejn in-nofs tal-kaxxa u l-attakkant qsajjar ta’ Hibernians, JURGEN DEGABRIELE għola tajjeb bir-ras biex xeħet wara l-gowlkiper avversarju għall-gowl tal-vantaġġ. Malta inkredibilment fil-vantaġġ b’żewġ gowls fi spazji ta’ tliet minuti.

Il-plejers tagħna ma waqfux hawn u fi spazju ta’ ftit minuti reġa’ kelna żewġ okkazzjonijiet oħra ta’ skor. L-ewwel meta xutt angolat ta’ Ryan Camenzuli għadda għoli u ftit wara, konklużżjoni fuq il-ġirja ta’ Matthew Guillaumier kienet imblukkata fil-ħin minn Luigi San Nicolas.

Il-Belti Dimech jitfi kull tama għal Andorra

Veru każ li wara li dawwarna l-logħba favur tagħna, mhux talli ma ntfajnix niddefendu, iżda żammejna l-istess mentalitá offensiva sal-aħħar u ridna gowl ieħor, kif fil-fatt ġara. Hekk kif ir-referee Slovakk ta erba’ minuti ta’ ħin miżjud fit-tmiem tal-partita, fit-93 minuta Malta aċċertat mir-riżultat ta’ rebħa b’azzjoni oħra kkordinata tajjeb.

Kienet azzjoni maħduma miż-żewġ sostituti Maltin li lanqas kienu llhom erba’ minuti li daħlu jilgħabu. Jake Grech ħarab tajjeb lejn il-lasta, ikkonkluda u Gomes salva parzjalment. Fil-pront daħal iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena li jilgħab ma’ Valletta, Shaun Dimech li b’opportuniżmu tefa’ lejn il-lasta u skorja l-gowl tat-3-1. Kien il-gowl li assigura r-rebħa u t-tliet punti għal Malta, iżda kien ukoll l-ewwel gowl ma’ Malta għal Dimech, fit-tielet dehra tiegħu mat-tim tal-kbar.

Ritratt ta’ Domenic Aquilina

Rebħa li tkompli tgħolli t-tama għal futur aħjar

Tmiem il-partita ġabet magħha eżultanza kbira fost il-plejers, membri tal-istaff tekniku ta’ Mangia, uffiċjali tal-MFA, diriġenti oħra tal-futbol u ġurnalisti Maltin li konna preżenti fiżikament għal dik li mingħajr dubju kienet waħda mill-aqwa wirjiet ta’ Malta fl-istorja tat-tim nazzjonali tagħna.

Komplessivament kelna viċin is-70 fil-mija pusses tal-ballun, u filwaqt li Andorra kellhom biss tliet okkażżjonijiet ta’ skor lejn il-lasta, Malta kelna total ta’ 15-il ċans differenti. Tassew każ li l-mument pożittiv li ninsabu fiħ bħalissa qed ikun estiż logħba wara l-oħra u dan it-tim, taħt it-tmexxija tat-Taljan, Mangia qed jagħtina gost u raġuni għalfejn nibdew inħossuna kburin bit-tim nazzjonali ta’ pajjiżna.

Rebħa li tagħti raġun għad-deċiżjonijiet u x-xogħol mit-tmexxija tal-MFA

Fuq kollox, wieħed irid ikun ġust li jsemmi, li dawn ir-riżultati qed jaslu għaliex fit-tmexxija tal-assoċjazzjoni tal-futbol f’Malta, hemm nies li għandhom viżjoni ċara u strateġika għall-futbol Malti. Dawn in-nies kemm il-darba kienu taħt kritika, kultant anke ħarxa, iżda llum qed iwieġbu lura fl-iskiet, għaliex id-deċiżjonijiet li ħadu fl-aħħar xhur, minn kemm ilu li Bjorn Vassallo laħaq President tal-futbol Malti, qed jagħtuna tama għal futur isbaħ u eċitanti għall-futbol Malti. L-istorja tkompli u nhar it-Tlieta jmissna nerġgħu nilgħabu kontra l-Gżejjer Faroe f’Ta’Qali.

Malta 3 | 1 Henry Bonello; 3 Ryan Camenzuli; 4 Karl Micallef; 5 Andrei Agius; 6 Matthew Guillaumier (84 10 Steven Pisani); 7 Joseph Mbong; 9 Luke Montebello (75 min 22 Alex Satariano); 13 Kurt Shaw; 17 Teddy Teuma; 18 Jurgen Degabriele (89 min 8 Jake Grech); 20 Luke Gambin (89 min 21 Shaun Dimech)

Andorra 1 | 1 Josep Gomes; 2 Cristian Martínez (77 min 22 Victor Bernat); 3 Albert Alavedra; 4 Marc Rebés (77 min 18 Luis Blanco); 5 Emili Garcia; 7 Alex Martínez (69 min 13 Luigi San Nicolas); 8 Marcio Vieira; 14 Jordi Aláez; 15 Moisés San Nicolás; 16 Ricard Fernandez (69 min 9 Aaron Sánchez); 17 Joan Cervós

Karti sofor – Marcio Vieria (Andorra), Albert Alavedra (Andorra), Luke Montebello (Malta)

Skorjaw | 3 min Marc Rebés (Andorra); 56 min Emili Garcia og (Malta); 59 min Jurgen Degabriele (Malta); 93 min Shaun Dimech (Malta)

Referee | Peter Kralović (Slovakkja)