Lokali

“Irridu nagħtu spazju liż-żgħażagħ fil-politika” – PN

“Iż-żgħażagħ huma parti integrali fis-soċjetà tagħna b’mod speċjali matul il-pandemija u għar-recovery plan.”

Kien dan id-diskors tad-deputat Robert Cutajar waqt għadd ta’ emendi mgħodija matul il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ dwar l-opportunitajiet fil-politika u s-soċjetà Maltija.

Din is-sena kienu erba’ t-temi li ġew diskussi miż-żgħażagħ bejn 14 u 35 sena, l-immigrazzjoni, l-effetti ekonomiċi wara l-pandemija tal-COVID-19, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika u iżjed opportunitajiet għaż-żgħażagħ fl-isport u fl-arti .

Robert Cutajar f’isem il-politika tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista wiegħed li ż-żgħażagħ se jkunu dejjem parti integrali mis-soċjetà b’mod sħiħ u fakkar li l-isport hu kruċjali fil-ħajja ta’ din il-ġenerazzjoni li kapaċi tbiddel il-futur.

Minn naħa l-oħra, id-deputat Clyde Puli qal li hemm bżonn iktar żgħażagħ b’enerġija li jidħlu fil-politika b’umiltà u għan wieħed li jservu.

Clyde Puli żied jgħid li min ikun fil-politika għandu jġib it-tajjeb tas-soċjetà quddiem għajnejh minflok jidħol għall-benefiċċju tiegħu nnifsu. U biex dan iseħħ, hu ħeġġeġ biex ikun hawn iktar edukazzjoni fl-iskejjel dwar il-politika.

Finalment, f’intervent li għamel id-deputat Claudio Grech, hu qal li l-COVID-19 wasslet lill-pajjiżna fi kriżi iżda se twassal ukoll lil Malta milli joħroġ minn dan il-perjodu iktar b’saħħtu filwaqt li tat viżjoni iktar ċara ta’ kif l-ekonomija tista’ tissaħħaħ fis-snin li ġejjin.

Claudio Grech ħeġġeġ biex iktar żgħażagħ jintegraw ruħhom fil-politika Maltija u jingħataw spazju biex jagħmlu dan hekk kif huma fundamentali għall-pajjiżna, liema fattur jidher li diġà qed jinbidel hekk kif iktar żgħażagħ qed juru iktar interess fil-politika.