“Is-settur agrikolu mhux talli ma narawhx bħala piż, talli se npoġġuh bħala pilastru ekonomiku ieħor li jikkumplimenta l-bqija tal-mudell soċjo-ekonomiku tagħna.” Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel lil numru ta’ bdiewa u raħħala fl-Imġarr.
Bernard Grech qal li huwa importanti li nibqgħu nikkonservaw dak li hu Malti u għalhekk għandha tiġi assigurata ekonomija tan-nies fejn tgħożż dak li hu naturali u tkattru b’responsabbiltà.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li s-settur agrikolu huwa l-qafas tal-ambjent rurali tagħna u għalhekk il-PN jrid strateġija ekonomika li tassew tirrispetta l-ambjent u l-kampanja tagħna. Dan flimkien ma’ diversifikazzjoni intelligenti li tinkludi produzzjoni u rkupru ta’ enerġija alternattiva bħala sors ta’ tkabbir ta’ dħul u l-ħolqien ta’ patt soċjali ġdid mad-dinja tal-agrikoltura biex nippermettu li l-akbar numru ta’ nies ikollhom aċċess għal ikel ta’ kwalità, ikel bnin bi prezzijiet raġjonevoli, filwaqt li niggarantixxu lill-bdiewa dħul deċenti.
“Nemmnu li l-ambjent għandu jkun parti integrali mill-preżent u l-futur tal-pajjiż”.
Permezz ta’ din iż-żjara l-Kap tal-PN seta’ jifhem b’mod aħjar l-isfidi kbar li numru ta’ bdiewa u raħħala qed isibu quddiem wiċċhom anki f’dan il-perjodu tal-imxija.
Flimkien mal-Kap tal-PN kien hemm id-Deputat Nazzjonalista u kelliem għall-Ambjent David Thake u l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Alessia Psaila Zammit u Alexander Mangion.
//= $special ?>