Internazzjonali

L-Italja: Aktar ‘zoni ħomor’ minħabba l-coronavirus

L-awtoritajiet fl-Italja żiedu aktar reġjuni mal-lista taz-zoni ħomor – li jindikaw l-akbar livell ta’ periklu minn infezzjoni bil-Covid-19 – u meta l-każi tal-coronavirus laħqu rekord ġdid madwar il-pajjiż.

Ir-reġjuni ta’ Campania u Toscana se jiżdiedu mar-reġjuni Taljani l-oħra li huma suġġetti għall-aktar miżuri stretti tal-lockdown. Dan meta l-awtoritajiet f’Campania ( li tinkludi l-belt ta’ Napli) wissew li s-sistema għall-kura tas-saħħa lokali tinsab qrib li tikkrolla.

Sadanittant, l-Italja, nhar il-Ġimgħa, ikkonfermat mal-40,902 infezzjonijiet ġodda bil-Covid-19 – li hi l-ogħla ċifra ta’ infezzjonijiet għal ġurnata waħda qatt irreġistrata fil-pajjiż. Walter Ricciardi, il-konsulent tal-Gvern dwar il-coronavirus, qal lill-ġurnalisti li l-pajjiż ‘għandu bejn ġimgħatejn u tliet ġimgħat biex jiddeċiedi jekk jimponix lockdown ġdid fuq bażi nazzjonali’.

Aktar kmieni din is-sena, l-Italja spiċċat bħala l-epiċentru tal-pandemija fl-Ewropa – iżda rnexxielha ġġib l-ewwel mewġa tal-virus taħt kontroll permezz ta’ lockdown riġidu, effettiv għall-pajjiż kollu.

Ir-restrizzjonijiet, maż-żmien, kienu tneħħew aktar ma bdew jonqsu l-każi iżda l-awtoritajiet Taljani, fl-aħħar jiem, bdew jintroduċu miżuri ġodda ta’ emerġenza meta qegħdin jiffaċċjaw tieni mewġa perikoluża ta’ infezzjonijiet.

Ir-reġjuni fl-Italja huma maqsumin fi tliet zoni – biz-zona l-ħamra tindika l-akbar element ta’ sogru u meta l-kuluri ‘oranġjo’ u ‘isfar’ jindikaw livelli anqas (rispettivi) ta’ periklu mill-infezzjoni. Indikati bħala zoni ħomor, bħalissa, hemm ir-reġjuni ta’ Lombardia, Bolzano, Piedmonte , Valle d’Aosta u (millum) Calabria.