Formula 1 Sport

Lance Stroll jieħu l-pole position fit-Turkija għall-ewwel darba

(Ritratt: EPA)

Lance Stroll ta’ Racing Point akkwista l-pole position fil-Grand Prix tat-Turkija fil-75 dehra tiegħu fil-Formula 1, fi kwalifikazzjoni ddominata minn diffikultajiet minħabba li t-trakka kienet imxarrba minn ħalbiet tax-xita. Din ma kinitx ġurnata pożittiva għal Mercedes, b’Lewis Hamilton u Vallteri Bottas ma jagħtu l-ebda kompetizzjoni lil Stroll. L-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni kellhu jitwaqqaf għal 40 minuta minħabba t-temp ikrah.

Stroll kien segwit minn Max Verstappen ta’ Red Bull u sieħbu Sergio Perez ta’ Racing Point. Verstappen kien fuq quddiem f’kull rawnd, iżda fl-aħħar wieħed safa’ megħlub minn Stroll b’0.290 sekondi. Alex Albon daħal fir-raba’ post qabel Daniel Ricciardo ta’ Renault. Is-sewwieqa ta’ Mercedes Hamilton u Bottas daħlu fis-sitt u d-disa’ post rispettivament. Alfa Romeo kellhom wieħed mill-aqwa ġranet ta’ kwalifikazzjoni fejn Kimi Raikkonen daħal fit-tmien post u Antonio Giovinazzi fl-għaxar pozizzjoni. Ferrari jkomplu jiddiżappuntaw bit-12 u l-14-il post ikun okkupat minn Sebastian Vettel u Charles Leclerc.

Hamilton għadu fiċ-ċans li jikseb is-seba’ titlu tal-Formula 1, filwaqt li Bottas irid jgħaddih bi tmien punti biex iċaħħdu minn dan.