“Ma nistax nemmen li mhux ħa nerġa’ nara dik it-tbissima fuq wiċċek.
Ma nistax nemmen li mhux ħa jkolna iktar avventuri flimkien.
Ma nistax nemmen li mhux ħa narak iżjed.”
Hekk qalet Svetlana, bint is-Sindku ta’ Ħal Qormi, Renald Falzon wara li tilef il-battalja kontra l-Coronavirus li kien ilu jiġġildilha għal dawn l-aħħar jiem fl-ITU tal-Isptar Mater Dei, bil-funeral tiegħu isir is-Sibt filgħodu fil-Kolleġjata ta’ San Gorg f’Ħal Qormi.

“Kien persuna li jaf iħobb lil kulħadd u dejjem ra kif għamel biex jagħti l-aħjar servizz lis-soċjetà.”
Hekk kien deskritt is-Sindku ta’ Ħal Qormi mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna waqt messaġġ li wassal fil-quddiesa tal-funeral.
Qabel il-quddiesa, Renald Falzon iddawwar mal-Belt li tant kien iħobb… f’korteo li matulu ingħata l-aħħar tislima minn għadd ta’ għaqdiet. U waqfa speċjali quddiem il-binja tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi fejn intlaqa’ b’ċapċipa.
Renald Falzon hu l-iżgħar vittma tal-Covid-19 f’Malta, fl-età ta’ 46 sena. Barra minhekk, ftit tal-jiem ilu, is-Sindku tilef lil missieru, Carmelo, ukoll kawża tal-virus.

