Internazzjonali

Stati Uniti: Joe Biden isir l-ewwel kandidat Demokratiku li rebaħ f’Georgia mill-1992

Il-President-elett tal-Istati Uniti, Joe Biden, rebaħ il-vot ta’ Georgia biex  sar l-ewwel kandidat tal-Partit Demokratiku li kiseb suċċess f’dan l-Istat mill-1992 ‘il hawn.

Filwaqt li l-President Amerikan, Doandl Trump, għadu ma ammettiex it-telfa fl-elezzjoni presidenzjali tal-ġimgħa li għaddiet, is-suċċess ta’ Biden f’Georgia enfasizzat ir-rebħa elettorali proġettata  – meta hu għandu total ta’ 306 vot mill-Kulleġġ Elettorali ( is-sistema li biha jintgħażel il-President tal-Istati Uniti).

L-aħħar indikazzjonijiet wrew li Donald Trump, il-kandidat tal-Partit Repubblikan, kien qrib li jirbaħ il-vot fl-Istat ta’ North Carolina. Fl-istess ħin, Trump, għall-ewwel darba, irrefera għall-possibbiltà li ‘l-Istati Uniti jkollha amministrazzjoni ġdida’sa  minn Jannar li ġej.

Donald Trump ħareġ b’din l-osservazzjoni waqt li kien qed ikellem lill-membri tat-task force inkarigat mill-impenji għal kontra l-coronavirus, fil-White House. Din kienet l-ewwel dehra pubblika ta’ Trump minn mindu l-media Amerikana ħarġet il-proġezzjonijiet dwar it-telfa elettorali tiegħu – iżda hu baqa’ ma rrikonoxxiex is-sitwazzjoni politika preżenti.

Filwaqt li l-Istati Uniti qed tiffaċċja inċidenzi akbar tal-Covid-19, Trump tenna li mhux beħsiebu jimponi lockdown biex jiġġieled lill-virus.

Sadanittant, qed tikber il-pressjoni fuq Trump biex jirrikonoxxi r-rebħa ta’ Joe Biden u jgħin jipprepara t-tranżizzjoni minn amministrazzjoni għall-oħra.

Ir-riżultati f’Georgia u North Carolina, intant, kienu l-aħħar riżultati proġettati fit-tellieqa għall-White House.

Donald Trump ressaq numru ta’ rikorsi legali biex jisfida r-riżultati tal-elezzjoni f’numru ta’ Stati fost allegazzjonijiet – mhumiex issostanzjati – ta’ frodi ‘ġenerali’ matul il-proċess elettorali.

Madankollu, id-disfatti għalih komplew jiżdiedu, bir-rappreżentanti tiegħu iwarrbu proċedura ta’ sfida għar-riżultat f’Arizona wara li deher ċar li Joe Biden kien kiseb vantaġġ insuperabbli f’dak l-Istat. L-isfida bbażat fuq allegazzjoni li, waqt il-proċess, ‘kienu twarrbu numru ta’ voti legali’.

Fl-istess ħin, imħallef fl-Istat ta’ Michigan ċaħad it-talba ta’ osservaturi Repubblikani  li ħarġu b’allegazzjoni ta’ frodi fil-vot ta’ Wayne County u li riedu jwaqqfu ‘il-konferma’ tar-riżultati elettorali f’Detroit.

Hu minnu wkoll li, fl-aħħar sigħat, ma ntlaqgħux it-talbiet tal-uffiċjali nkarigati mill-kampanja ta’ Trump biex ikunu invalidati numru ta’ voti li ntefgħu bil-posta fil-belt ta’ Philadelphia, f’Pennsylvania.

Intant, mistenni li jsir recount manwali f’ Georgia minħabba d-distakk minimu bejn iż-żewġ kandidati (Biden u Trump) f’dan l-Istat. Iżda l-uffiċjali tal-Partit Demokratiku mhumiex qed jistennew li l-proċess se jibdel ir-riżultat ‘kważi storiku’ ta’ Georgia.