Żagħżugħ ta’ 19-il sena jitlef ħajtu wara inċident fl-Imġarr

Sfortunatament, sewwieq ta’ karozza ta’ 19-il sena residenti l-Mosta tilef ħajtu wara inċident li seħħ il-lejl li għadda fl-Imġarr dan filwaqt li żagħżugħ ta’ 18-il sena li kien riekeb mal-vittma jinsab fil-periklu tal-mewt.

L-inċident seħħ il-Ġimgħa filgħaxija għall-ħabta tal-ħdax u kwart fi Triq Sir Temi Zammit fl-Imġarr

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li s-sewwieq kien qed isuq il-vettura tiegħu tat-tip Toyota Corolla fid-direzzjoni lejn il-Mosta meta sfortunatament kellu impatt ma’ vann tat-tip Mitsubishi li kien misjuq minn raġel ta’ 35 sena residenti l-Imġarr u li kien qed jinstaq fid-direzzjoni lejn l-Imġarr.

Fuq il-post issejħet l-għajnuna tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex iż-żagħżugħ ikun jista’ jinħareġ mill-karozza filwaqt li tim mediku mill-Isptar Mater Dei ta l-ewwel għajnuna lill-persuni involuti filwaqt li dawn ttieħdu l-isptar Mater Dei għal aktar kura.

Iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena ġie ċċertifikat li miet ftit wara kawża tal-ġrieħi serji li ġarrab, waqt li ż-żagħżugħ ta’ 18-il sena weġġa’ b’mod serju u jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu. Il-kundizzjoni tar-raġel ta’ 35 sena għadha pendenti.

Bl-inċident ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Marseann Farrugia li ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin