Coronavirus Lokali

117-il każ ġdid f’pajjiżna, it-total ta’ każi jitla’ għal 8,251

Ritratt: Martin Agius

Tkompli tgħolli rasha l-pandemija tal-Coronavirus f’pajjiżna, b’żieda ta’ 117-il każ ġdid fl-aħħar 24 siegħa. Dan filwaqt li lbieraħ filgħaxija sar magħruf li matul il-jum żewġ persuni oħrajn tilfu ħajjithom kawża tal-virus.

Skont l-informazzjoni ppubblikata fuq il-paġna tal-Ministeru tas-Saħħa fuq Facebook, jirriżulta wkoll li l-virus għadu qed jiddaħħal anke minn barranin li waslu f’pajjiżna. Fil-fatt, mill-każi pożittivi li rriżultaw ilbieraħ, wieħed minnhom kien impurtat.

Bit-total ta’ 97 vittma u bit-63 persuna li fiequ fl-aħħar sigħat, l-ammont ta’ każi attivi issa tela’ għal 2,178. Dan wara li t-total issa jlaħħaq it-8,251.

Sadanittant, minbarra l-każ impurtat, il-każi tal-bieraħ inkludew ukoll 19-il qarib ta’ każi preċedenti, żewġ kollegi fil-postijiet tax-xogħol u tnejn li kellhom kuntatt ma’ każi oħrajn.