Internazzjonali

Covid-19: Protagonista wara l-vaċċin qed jgħid li l-ħajja tirritorna għan-normal ‘lejn l-aħħar tal-2021’

Wieħed mill-protagonisti fl-iżvilupp tal-vaċċin ġdid għal kontra l-Covid-19 qal li l-vaċċin għandu ‘tassew’ jibda jħalli l-effett matul is-sajf li ġej u meta l-ħajja għandha tirritorna għan-normal lejn l-aħħar tal-2021, waqt l-istaġun tax-xitwa.

Il-Professur Ugur Sahin, il-ko-fundatur ta’ BioNTech li kienet strumentali fl-iżvilupp tal-vaċċin wissa li x-xitwa li jmiss xorta se ġġib il-problemi peress li l-vaċċin mhux se jkollu impatt kbir fuq in-numri ta’ nies infettati bil-Covid-19.

Ftit tal-jiem ilu, l-entità BioNTech u l-kumpanija Pfizer – li wkoll kellha sehem fl-iżvilupp tal-vaċċin – qalu li l-analiżi preliminarja wriet li l-vaċċin jista’ iwaqqaf ‘il fuq minn 90 fil-mija tan-nies milli jimirdu bil-coronavirus.

Intant, Sahin qal li hu fiduċjuż li l-vaċċin se jnaqqas ir-rata tat-trasmissjoni bejn in-nies, minbarra li jwaqqaf l-iżvilupp tas-sintomi fin-nies li jingħataw it-tilqima. Sahin semma wkoll il-possibbiltà li l-vaċċin inaqqas it-trasmissjoni bin-nofs, f’sitwazzjoni li ‘telimina ħafna mill-periklu tal-pandemija’.

Wara l-aħbar dwar l-ewwel vaċċin effettiv għal kontra l-Covid-19 fid-dinja, Sir John Bell, professur tal-mediċina mal-Università ta’ Oxford, issuġġerixxa ‘b’livell ta’ fiduċja’ li l-ħajja normali tkun tista’ tkompli anki mir-rebbiegħa ‘il quddiem.

Madankollu, il-Professur Sahin indika li wieħed għandu jistenna ftit aktar biex jirritorna għall-ħajja normali u li (jekk kollox jimxi sew) il-vaċċin għandu jibda jitqassam ‘lejn l-aħħar tas-sena u l-bidu tal-2021’. L-iskop ewlieni hu li jingħataw ‘il fuq minn 300 miljun doża tal-vaċċin sa April ‘bit-tragward jgħin biss biex l-isforzi tad-dinja fil-konfront tal-pandemija jibdew iħallu impatt’.

Il-Professur Sahin, fl-istess ħin, enfasizza l-importanza li l-programmi tal-immunizzazzjoni kollha jkunu konklużi qabel il-ħarifa li jmiss.

Fi żviluppi oħra, il-Gvern fir-Renju Unit, nhar is-Sibt ikkonferma mas-27,000 każ ġdid tal-coronavirus – meta r-rata tal-infezzjonijiet fil-pajjiż ilu jiżdied b’mod drastiku minn Settembru. Sallum kien hemm ‘il fuq minn 1.3 miljun każ ikkonfermat tal-Covid-19 fir-Renju Unit – u li minnhom mietu mat-52,000.

Fil-Ġermanja, il-Ministru għall-Ekonomija, Peter Altmaier, qal li l-poplu Ġermaniż għandu jipprepara għal bejn erba’ u ħames xhur oħra ta’ miżuri drastiċi bil-għan li l-pajjiż jikkontrolla ż-żieda fl-infezzjonijiet lokali. Hu kompla li n-nies ‘mgħandhomx jistennew li r-regoli tas-sigurtà attwali jitneħħew fi żmien qasir’ – u minkejja li qed javviċinaw il-festi tal-Milied.

Il-Ġermanja imponiet sensiela ta’ miżuri ‘kważi fuq livell ta’ lockdown’ biex trażżan it-tieni mewġa tal-pandemija li qed tħalli dejjem aktar morda fil-pajjiż’—l-istess  bħalma qed isir f’pajjiżi oħra tal-Ewropa.

L-Italja żiedet ir-reġjuni ta’ Campania u Toscana mal-lista taz-zoni l-ħomor li jindikaw l-akbar theddida mill-Covid-19. L-iżvilupp ifisser li Campania u Toscana, bħal reġjuni oħra, qed ikunu suġġetti għall-aktar miżuri stretti tal-lockdown. Dan meta r-reġjun tal-Lombardija – li tinkludi l-belt prinċipali ta’ Milan – għadu l-agħar reġjun milqut mill-coronavirus fil-pajjiż, u fejn nhar is-Sibt kienu rappurtati ‘il fuq minn 8,000 każ ġdid tal-Covid-19.

Sadanittant, mistennija ssir dimostrazzjoni f’Turin, fil-provinċja ta’ Pidemonte, fejn in-nies mistennija jipprotestaw kontra l-curfews relatati mal-coronavirus madwar l-Italja.