Internazzjonali

Etjopja: In-NU twissi dwar reati tal-gwerra potenzjali

In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li l-qtil tal-massa ta’ ċivili li qed ikun irrappurrtat kontinwament fir-reġjun ta’ Tigray, fl-Etjopja, għandu jammonta għal ‘reati tal-gwerra’ f’każ li jkun ikkonfermat.

Michelle Bachelet, li ilha mill-2018 isservi bħala Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet Umani, sejħet għal inkjesta dwar ir-rapporti li ‘mijiet ta’ nies spiċċaw imbiċċrin u maqtula’ ġo belt partikulari lejn in-naħa ta’ fuq tal-Etopja.

Dan meta l-Prim Ministru tal-Etjopja, Abiy Ahmed, akkuża lill-ġellieda mal-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu ta’ Tigray dwar il-massakru – b’uffiċjali fir-reġjun partikulari jiċħdu għal kull sehem fl-atroċitajiet irrappurtati.

Intant, il-Prim Ministru Etjopjan qal li l-ġellieda tal-Front infexxew f’attakki indiskriminattivi fuq in-nies wara li t-truppi federali kienu ‘illiberaw’ xi zoni lejn il-punent ta’ Tigray. L-akkużi qalu li l-ġellieda tal-Front ‘qatlu brutalment liċ-ċivili inoċenti’ fil-belt ta’ Mai-Kadra, fir-reġjun inkwistjoni.

Il-qtil issemma għall-ewwel darba xi jiem ilu mill-grupp Amnesty International għall-ħarsien tad-drittijiet umani. Il-grupp issa qed jgħid li għandu konferma li sa ‘mijiet’ setgħu spiċċaw imbiċċrin f’sensiela ta’ qtil bla rażan.F’każ ta’ konferma ‘irrifjutabbli’, l-allegat massakru jkun l-ewwel każ ta’ qtil ta’ ċivili fuq skala massiċċa mindu, il-ġimgħa l-oħra, żbroffa l-konflitt armat bejn il-qawwiet tal-Gvern Etjopjan u l-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu ta’ Tigray.

Min-naħa tagħha, Michelle Bachelet qalet li hi ‘allarmata’ dwar is-sitwazzjoni fl-Etopjpa, iżda għamlitha ċara li ‘l-ewwel priorità’ tagħha hu li l-ġlied fir-reġjun jieqaf u ma jsirux aktar atroċitajiet fl-inħawi.

Fi tmiem il-ġimgħa, il-qawwiet tal-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu ta’ Tigray sparaw missili lejn ajruporti fl-Istat ta’ Amhara (fil-viċin) u fejn sostnew li ‘kienu qed jimmiraw lejn is-siti’ minbarra li wissew ukoll dwar ‘aktar attakki’.

L-aħħar rapporti qalu li l-konflitt tal-Etjopja qed jeskala, bil-qawwiet ta’ Tigray jisparaw ir-rokits lejn l-Eritrea, man-naħa l-oħra tal-fruntiera. Dan meta l-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu ta’ Tigray qal li s-suldati Etjopjani kienu qed jużaw ajruport fl-Eritrea biex jattakka lir-reġjun tiegħu. L-iżvilupp qed jindika element ġdid ‘inkwetanti’fil-konflitt tal-Etjopja li qed jirriżulta wkoll f’eluf ta’ refuġjati.