Lokali

“Flimkien noffru tama ġdida għal ġejjieni aħjar” – PN

Flimkien għandna nkunu ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor – flimkien inpoġġu l-bandiera Maltija fejn jixirqilha.

Sostna dan il-kandidat għall-Partit Nazzjonalista Errol Cutajar waqt l-attività politika Nissaħħu Flimkien organizzata fil-lokalità taż-Żurrieq, fl-isfond ta’ pandemija u għaldaqstant b’kull miżura ta’ mitigazzjoni neċessarja għal dan il-waqt.

Errol Cutajar insista li Partit Nazzjonalista fil-Gvern dejjem imbotta u għamel ġieħ lill-isem u saħaq li biex inħarsu ‘l quddiem għandna nevolvu mas-soċejtà u nimirħu lill hinn mill-politika tal-mibgħeda filwaqt li nsawru politika li verament tinvesti sabiex id-drittijiet ta’ kull wieħed u waħda minnha jiġu mħarsa. Dan filwaqt li ma nibżgħux nwessgħu l-orizzonti tal-ħsibijiet tagħna.

Huwa sostna wkoll li ż-żgħażagħ m’humiex biss wiċċ li jintuża fuq xi palk – iżda l-Partit Nazzjonalista jinsab f’ħidma biex ifassal ġejjieni magħhom.

Dan filwaqt li fid-diskors tagħha, il-Kandidata Nazzjonalista Angela Coleiro saħqet li dan huwa l-partit li jpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu, l-unika partit li dejjem kien jinsab fuq quddiem sabiex joffri  serħan il-moħħ, ġustizzja, libertà u fuq kollox tama għal ġejjieni aħjar. 

Hija appellat lil dawk il-partitarji ta’ fehma politika differenti li jekk jinsabu diżillużi mill-Gvern ta’ Abela, il-bieb  jinsab miftuħ għalihom fi ħdan il-Partit Nazzjonalista filwaqt li ħeġġet lil partitarji Nazzjonalisti sabiex iwasslu kullimkien il-viżjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mingħajr biża jew mistħija.

Angela Coleiro sostniet li mal-Partit Nazzjonalista kulħadd għandu postu inkluż membri mill-komunità LGBTIQ, u li hi hija wirja ħajja ta’ dan.